Il-Partit Nazzjonalista qal li l-istqarrija konġunta li ppubblikaw l-erbgħa mill-uions ewlenin tal-ħaddiema juru biċ-ċar li l-Baġit naqas milli jindirizza r-realtajiet tal-ħaddiema. Jidher li waqgħet il-maskra u mhux veru li dan hu Budget “Soċjalista” mill-“Partit tal-Ħaddiema”.
Il-PN kompla jistqarr li l-Gvern naqas bil-kbir u juri kemm qed jagħti bis-sieq lis-Servizz Pubbliku u naqas milli jtejjeb il-kundizzjonijiet għall-Ħaddiema taċ-Ċivil. L-impjegati mas-Servizz Pubbliku mhux se jkunu kkumpensati biż-żieda sħiħa tal-COLA. Dan minbarra li warrab il-pariri tal-unions u l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista li ma jintaxxax il-COLA.
Dan mhux Gvern li jippremja lill-bieżel, iżda jikkastiga lill-ħaddiema tiegħu stess stqarr il-PN.
Din il-miżura se toħloq inġustizzji u kriżi fil-pagi hekk kif “il-Gvern tilef l-aptit li jiggvernja”.
Mill-banda l-oħra, il-PN qal li għandu viżjoni ekonomika ta’ eċċellenza li tiċċentra fuq il-poplu Malti u l-ħaddiema kollha.