Xi deputati tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista kienu rrabjati ferm għal mod kif il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech tkellem dwar mozzjoni fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar li llum hija deputata indipendenti.
Deputati li tkellmu mal-gazzetta Illum qalulna li, filwaqt li jemmnu li jagħmel tajjeb li l-Partit Nazzjonalista jkun iebes fuq kwistjonijiet kontra l-Labour, ma jistax jagħmel mossi ta’ dan it-tip mingħajr ebda ħsieb.
Dan għax il-Partit Nazzjonalista għandu nies fil-Grupp Parlamentari li jridu jieħdu ħsieb il-pożizzjoni tagħhom. “Ma jistax ikun li l-Kap jippretendi li ma niqfux induru n-nies u nwasslu l-messaġġ tal-partit imbagħad jippreġudika l-pożizzjoni tagħna,” qalu deputati Nazzjonalisti li jaħdmu qatigħ anke f’distretti tradizzjonalment laburisti.
Għalhekk fakkru lill-Kap tal-Oppożizzjoni li m’ilux wisq kien hemm rapport tal-Kummissarju għall-Istandards, George Hyzler, li xejn ma kien ħelu ma’ wħud minnhom fuq l-irwol li għandhom bħala impjegati mal-Gvern. Saħansitra kien hemm deputati nfushom li bħala parti mill-investigazzjoni ta’ dan ir-rapport kienu ammettew li m’għandhomx ħin biżżejjed biex iwettqu d-doveri tagħhom bħala impjegati taċ-ċivil fl-istess ħin li jaqdu l-irwol parlamentari tagħhom.
Mir-rapport Hyzler ħareġ ċar ukoll li x-xogħol tagħhom ma kienx qed isir kif wieħed jistenna. Għalhekk dawn id-deputati staqsew jekk il-partit tax kas il-pożizzjoni tagħhom qabel mar jgħid li se jagħmel mozzjoni fil-konfront ta’ Cutajar.
Hemm min qal li l-pożizzjoni tagħhom hi ferm iktar antipatka għaliex dawn mhux qed jitkellmu fuq xogħol ta’ ftit xhur bħalma kien fil-każ ta’ Rosianne Cutajar. Għal ħafna minnhom dan huwa x-xogħol primarju tagħhom għal ħafna snin. Sorsi viċin il-grupp parlamentari Nazzjonalista sostnew li m’hemmx wisq differenza fil-prinċipju bejn dak li tkellem fuqu l-Awditur Ġenerali u dak li tkellem fuqu l-Eks Kummissarju għall-Istandards Hyzler. Għalhekk il-mozzjoni xejn ma niżlet tajjeb għax jemmnu li tista’ ddur fuqhom jew saħansitra fuq eks kollegi tagħhom.
Fil-fatt, l-istess deputati xejn ma ħadu gost bil-kummenti tal-Prim Ministru li meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet mill-ġurnalisti, insista li kull min hu deputat parlamentari u għandu wkoll impjieg maċ-ċivil irid iwettaq id-doveri kollha tiegħu.