L-għajdut dwar il-futur ta’ Roberta Metsola qatt ma qatgħu. Imma din il-ġimgha kien hemm indikazzjoni li Metsola tefgħet għajnejha fuq it-tieni mandat bħala President tal-Parlament Ewropew.
F’risposta vaga għall-aħħar, Metsola qalet li hi “probbabli tibqa’” bħala President ta’ waħda mill-ikbar istituzzjonijiet Ewropej.
Kienet qed tirrispondi mistoqsija ta’ ġurnalist matul l-EU Summit, u ma kinitx lesta tikkonferma kollox fuq il-pjanijiet tagħha.
“Ma nħobbx nitkellem dwari,” qaltlu Metsola lil ġurnalist tal-AFP Christian Spillman. Minflok dawret id-diskors fuq kif qed tiffoka biex tiġbed iktar nies joħorġu jivvotaw fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej.
Se tkun diffiċli ħafna li Bernard Grech jiġi megħlub wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, aktar u aktar jekk il-Partit Nazzjonalista jirnexxielu jġib lura t-tielet siġġu u Metsola tieħu t-tieni mandat.
Jekk is-siġġu ma jġibux, Grech m’għandu l-ebda dmir jinżel ġaladarba l-istatut tal-partit jgħid li dak id-dmir jiġi eżerċitat wara elezzjoni ġenerali.
Dan sintendi ikun soljev kbir għal Robert Abela u l-Gvern Laburista li jkompli fit-triq miftuħa beraħ minkejja l-intoppi politiċi li jista jaffaċċja. Dan mhux se jnaqqas fiż-żieda tal-apatija fin-nies, u l-vot ta’ protesta jaf ikun aktar pronunzjat.
Skont kif rajna l-affarijiet imorru fix-xena ewropea, fl-aħħar ftit snin; Il-Kummissjoni u l-Parlament jibqgħu f’idejn il-Partit Popolari Ewropew, għalinqas għall-ewwel sentejn tal-mandat. Il-Kunsill Ewropew jibdel l-idejn, bejn mill-Partit Liberali għal dak Soċjalist. Il-Liberali pero' jmexxu s-Servizz ta’ Azzjoni Esterna, il-fergħa diplomatika tal-UE.
It-tbassir tal-ikbar gruppi politiċi jara lil Ursula von der Leyen tibqa’ fein hi. Lil Mette Frederiksen,il-Prim Ministru preżenti tad-Danimarka bħala President tal-Kunsill Ewropew, u lil Metsola bħala President tal-Parlament Ewropew.
Li hu żgur hu li mhux ftit huma l-MEPs, fid-diversi gruppi politiċi fi Brussell, li iħossu li Metsola ħaqqha l-mandat għat-tieni darba.
Mill-bidu tal-kandidatura tagħha għall-presidenza, il-mexxej tal-EPP Manfred Weber imbutaha bħala l-kandidata ideali għal-partit tal-lemin fiċ-ċentru, li iktar iva milli le jsibu posthom jmexxu l-Parlament.
Dan kollu ma jfissirx li ma tistax tirritorna fix-xena lokali, u l-bieb għaliha biex tmexxi l-Partit Nazzjonalista jibqa’ mbexxaq. Imma kif jidhru l-affarijiet, il-mexxejja politiċi lokali ser jibqgħu Abela u Grech bil-prognosi ċara li l-Partit Laburista jibqa’ forza dominanti fil-politika lokali.