Il-PN b'vot ta' sfiduċja f'Dalli, Schembri u Zrinzo Azzopardi

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jippreżenta Mozzjoni ta’ Sfiduċja fi tliet Ministri, Stefan Zrinzo Azzopardi, Miriam Dalli u Silvio Schembri. it-tliet Ministri għandhom jew kellhom jaqgħu taħthom entitatjiet li ssemmew fl-Inkjesta Sofia

Bernard Grech, mdawwar mill-MPs Nazzjonalista quddiem il-Parlament. (Ritratt: Partit Nazzjonalista)
Bernard Grech, mdawwar mill-MPs Nazzjonalista quddiem il-Parlament. (Ritratt: Partit Nazzjonalista)

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jippreżenta Mozzjoni ta’ Sfiduċja fi tliet Ministri, Stefan Zrinzo Azzopardi, Miriam Dalli u Silvio Schembri.

"Dawn qed jibqgħu jaħarbu milli jerfgħu r-responsabbiltà politika b’rabta mal-Inkjesta Pubblika ta’ Jean Paul Sofia," il-Partit Nazzjonalista qal it-Tnejn waranofsinhar.

Iħabbar dan quddiem il-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni spjega li huwa qatt ma jista’ jaċċetta li ħadd ma jerfa’ r-responsabbiltà politika meta kien hemm Ministri li kienu qed jassiguraw li jsir xogħol tajjeb. Hu qal li kieku kien għal Robert Abela, għadna f’sitwazzjoni fejn in-nies għadhom esposti għan-nuqqasijiet ta’ dan il-Gvern.

Dawn it-tliet Ministri għandhom jew kellhom jaqgħu taħthom entitatjiet li ssemmew fl-Inkjesta Pubblika bħala dawk l-entitajiet b’nuqqasijiet kbar. 

Filwaqt li l-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi kellu f'idejh l-OHSA u l-BCA fl-istess perjodu li seħħ l-inċident ta' Sofia, il-Ministru Schembri kien il-ministru responsabbli mill-portofoll tal-artijiet. L-awtorità tal-artijiet ma ssemmietx fil-lista tal-entitajiet, li skont l-inkjesta, naqqsu mir-responsabbilitajiet tagħhom.

Min-naħa l-oħra, il-Ministru Miriam Dalli hija l-ministru kkarigata mill-Malta Enterprise, awtorità li ssemmiet mhux ħażin.

AQRA AKTAR: Uħud mill-entitajiet u l-persuni mċanfra fl-Inkjesta Sofia 

Skont l-inkjesta, l-Malta Enterprise mhux talli naqset milli tagħmel skrutinju taż-żewġ direttur mexxejja tas-sit ta' Kordin, talli uffiċjal fi ħdan l-entità mbutta l-applikazzjoni. Dan minkejja liż-żewġ direttur ma kellhom l-ebda esperjenza fis-settur tal-kostruzzjoni għajr fl-injam għall-aħħar ħames xhur qabel id-data tal-applikazzjoni.

Għalkemm Dalli hi l-ministru responsabbli mill-Malta Enterprise issa, hi ma kinitx responsabbli mill-entità fi żmien l-inċident ta' Diċembru 2022.

Mdawwar mill-membri parlamentari nazzjonalisti, Grech fakkar li huwa staqsa ripetutament min se jkun qed jerfa’ r-responsabbiltà politika għall-mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia. Madankollu, "Ministri Laburisti fil-Kabinett ta’ Robert Abela baqgħu jirrifjutaw li jwieġbu din il-mistoqsija."

 

 

 

Quddiem dan kollu, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob biex il-Mozzjoni ta’ Sfiduċja tkun diskussa minnufih fil-Parlament.

More in Politika