Bla donaturi tal-organi, imma t-tobba mhux kollha konvinti mill-emenda tal-'opt-out'

Il-Parlament se jibda jiddiskuti emendi dwar id-donazzjonijiet tal-organi u minflok tirreġistra biex tagħmel donazzjoni, tiddikjara li ma tridx tagħti l-organi. L-ILLUM titkellem ma’ avukat tad-drittijiet tal-bniedem u r-Renal Unit f’Mater Dei. 

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Ivan Bartolo (xellug), l-arkitett ta’ din l-idea, u l-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela
Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Ivan Bartolo (xellug), l-arkitett ta’ din l-idea, u l-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela

Minkejja l-qbil rari bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni fl-emenda tad-donaturi tal-organi, f’kumment mal-ILLUM, ir-Renal Unit ta’ Mater Dei deher skjett. 

F’kummenti lill-gazzetta ILLUM, Nursing Officer Paul Calleja mir-Renal Unit fi ħdan l-Isptar Mater Dei, spjega li din l-emenda tinstab diġà f’pajjiżi Ewropej oħra. Iżda l-effetti li minnhom ibbenefikaw pajjiżi oħra, mhux bilfors se jagħmlu differenza f’Malta. 

Dan, skont hu, għax f’Malta li tittraċċa organi huwa ferm aktar faċli. L-opt out, huwa spjega, tista’ tgħin wara l-mewt ta’ persuna mhux reġistrata bħala donatur, u l-isptar ikollu jitlob lil tal-familja biex jagħtu l-kunsens tagħhom. 

F’Malta, bħalissa, bejn wieħed u ieħor, hemm madwar 90 pazjent jistenna kilwa, 15 jistennew fwied u 6 pazjenti jistennew qalb. Hemm ukoll madwar 50 pazjent jistenna cornea. 

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Ivan Bartolo, l-arkitett ta’ din l-idea, ippreżenta abbozz ta’ liġi li jipproponi bidla għal sistema ta’ opt-out għad-donazzjonijiet tal-organi. 

Il-proposta, li diġà tgawdi l-appoġġ unanimu mill-partiti kollha, għandha l-għan li tbiddel il-qafas attwali, billi tippreżumi li individwi li għandhom aktar minn 16-il sena jagħtu l-kunsens tagħhom għad-donazzjoni tal-organi b’mod awtomatiku, sakemm ma jagħżlux kontra b’mod espliċitu. 

Din kienet diġà proposta snin ilu, iżda d-diskussjoni sfaxxat f’bizà ta’ theddid tad-dritt uman, bil-Knisja Kattolika tkun minn ta’ quddiem li tiċħad l-appoġġ għal din il-bidla. 

Paul Calleja qal lill-ILLUM li sfortunatament in-numri ta’ trapjanti niżlu ħafna wara l-pandemija. “Bħalissa qed isiru madwar sitt trapjanti tal-kliewi biss kull sena,” hu żied jgħid. 

Hemm bosta raġunijiet għaliex m’hemmx iktar donaturi, inkluż biża’, nuqqas ta’ għarfien, għażż, u forsi nuqqas ta’ qbil bejn il-familji dwar is-suġġett. 

Wara l-proposta ta’ Bartolo, l-istess raġunijiet jaf lagħbu importanza fid-dibattitu li nqala’.  

Donazzjonijiet tal-organi: Il-kunsens għandu jkun biex jeskludik jew jinkludik? 

L-emendi tad-donazzjoni tal-organi qajmu l-irwiefen hekk kif bosta jargumentaw bid-drittijiet tal-bniedem, l-awtonomija individwali, u l-etika dwar il-kunsens preżunt. 

Il-politiċi qed iwiegħdu li din l-emenda se twassal għal aktar donazzjonijiet. Sempliċi, le? Imma taħt din is-sempliċità hemm kumplessità ferm akbar ta’ etika u legalità.  

Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-avukat tad-drittijiet tal-bniedem, Lynn Chircop Faure li xeħtet dawl fuq l-emendi proposti u l-implikazzjonijiet potenzjali tagħhom fuq is-soċjetà. 

L-Avukat Chircop Faure spjegat il-bilanċ bejn kif din is-sistema se tkun ta’ benefiċċju għas-soċjetà u għall-individwi.  

Mill-premessa, hija għamlet aċċenn li t-tneħħija ta’ organu, tessut jew ċellola umana minn donaturi ħajjin jew mejtin, bla kunsens, huwa reat kriminali. 

Tispjega illi l-Artikolu 248ĊA tal-Kodiċi Kriminali jgħid li f’Malta, persuna li tinstab ħatja tar-reat tat-traffikar ta’ organi umani teħel il-piena ta’ priġunerija minn sitt snin sa tnax-il sena.    

“Il-kunsens liberu, infurmat u speċifiku tad-donatur ħaj jew mejjet, jew awtorizzazzjoni legali fil-każ tad-donatur mejjet irid jiġi ppruvat sabiex dan l-iskambju għat-tneħħija tal-organi minn donatur ħaj jew mejjet ma jkunx ikkunsidrat prima facie li sar għal xi qligħ finanzjarju jew daqstant vantaġġ ieħor,” tkompi tgħid. 

Hija tgħid lill-ILLUM illi hemm diversi fatturi li jinfluwenzaw it-tali deċiżjoni; waħda tkun li għalkemm awtomatikament malli tagħlaq 16, il-persuna tagħti l-kunsens tagħha għad-donazzjoni, għandu jkun assigurat li l-persuna għandha l-opportunità li tirtira milli tagħti donazzjoni f’kull ħin li tiddeċiedi matul ħajjitha. 

Fattur ieħor li tiġbed l-attenzjoni fuqu Chircop Faure huwa jekk familjari għandhomx ikunu notifikati dwar il-kunsens tal-persuna.  

Dan l-istess punt qajmitu l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-każ ta’ Petrova kontra l-Istat tal-Latvja fl-2005, fejn il-Qorti qalet li l-liġi għandha tkun ifformulata bi preċiżjoni suffiċjenti jew mogħtija protezzjoni legali adegwata kontra arbitrarjetà.  

F’dan il-każ it-trapjant tal-organi tat-tifel tas-Sinjura Petrova seħħ mingħajr ma ġiet infurmata u għalhekk ma kienx skont il-liġi, l-avukat spjegat, bi ksur tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, cioè dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja. 

Chircop Faure spjegat kif f’każ ta’ mewt, din is-sistema Ewropea essenzjalment toħloq tliet sitwazzjonijiet differenti:  

Ġaladarba ċ-ċittadin ikun esprima xewqa pożittiva għad-donazzjoni matul ħajtu, id-donazzjoni ssir u l-membri tal-familja ma jistgħux joġġezzjonaw. 

Għall-kuntrarju, ma jkunx hemm tneħħija ta’ organi jekk iċ-ċittadin ikun esprima l-oppożizzjoni tiegħu. 

Id-deċiżjoni tibqa’ f’idejn il-familja jekk iċ-ċittadin ma jkunx esprima l-opinjoni tiegħu. 

Chircop Faure sostniet l-importanza li l-għan għandu jkun ibbażat fuq il-protezzjoni taċ-ċittadini. 

“Nistaqsi jekk il-familjari għandhomx ikunu notifikati b’mod espliċitu dwar il-kunsens tal-persuna jew f’każ li dan ikun preżunt, għandux ikollhom id-dritt, fil-każ ta’ mewt, il-qraba l-aktar viċin tagħha, inklużi l-ġenituri, biex jesprimu x-xewqat tagħhom dwar it-tneħħija tal-organi.” 

Fl-aħħar appellat biex Malta tibqa’ tistinka għal iktar ġbir tad-demm u li porzjon tal-popolazzjoni tkun donatur tal-organi.  

X’inhi d-differenza bejn Opt-in u Opt-out? 

Trapjant ta’ organi, ċelloli jew tissues ta’ persuna waħda għandhom il-potenzjal li jsalvaw aktar minn persuna waħda. Fuq is-sit tagħhom, il-Malta Organ Donation, jagħtu spjega ta’ kif persuna waħda tista’ ssalva ma’ tmien persuni. Bħalissa f’Malta nużaw sistema ta’ ‘Opt-In’, fejn persuna ta’ aktar minn 16, tkun tista’ tagħmel donazzjoni tal-organi tagħha wara mewtha.  

F’sitwazzjoni ‘Opt-In,’ individwi jridu jirreġistraw minn jeddhom biex jagħtu kunsens u jsiru donaturi tal-organi. Permezz ta’ reġistrazzjoni, huma jindikaw ir-rieda tagħhom li jagħtu l-organi wara mewthom. Mingħajr dan il-kunsens, l-organi ma jistgħux jintużaw għal skopijiet ta’ trapjant.   

Intant, f’sistema ‘opt-out,’ l-individwi jitqiesu bħala donaturi potenzjali ta' organi b'mod awtomatiku wara mewthom. Dan sakemm ma jirreġistrawx speċifikament l-oġġezzjoni tagħhom. Ġaladarba l-individwu ma jiddikjarax b’mod espliċitu li ma jridx jagħti donazzjoni, l-organi wara mewtu jistgħu jintużaw għal skopijiet ta’ trapjant. 

 

More in Politika