Jitħabbru seba’ skemi għan-negozji u l-ħolqien tal-impjiegi f’Għawdex

Il-Ministeru għal Għawdex jgħid li f’sitt snin l-impjiegi f’Għawdex żdiedu b’madwar 5,000

Ritratti: MGP
Ritratti: MGP

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri nieda pjattaforma elettronika ġdida, investgozo.gov.mt, li se tkun qed tagħti informazzjoni siewja rigward investiment, xogħol u studju f’Għawdex. Barra minn hekk, il-pjattaforma ser ikollha wkoll informazzjoni fuq l-inċentivi li wieħed jista’ japplika għalihom.

Il-Ministru Camilleri nieda wkoll seba’ skemi li jkomplu jsostnu lin-negozji u l-ħolqien ta’ aktar impjiegi ta’ kwalità f’Għawdex.

Dawn l-iskemi jmorru id f’id mal-miżuri li qed jittieħdu biex jiġu implimentati kemm il-wegħdi elettorali kif ukoll l-Istrateġija għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex.

“Għall-ewwel darba, ser ikollna sit elettroniku u branding għall-iżvilupp ekonomiku f’Għawdex. Dan huwa essenzjali sabiex inkomplu ntejbu u nġeddu l-viżibilità lokali u internazzjonali t’Għawdex fuq pjattaformi diġitali. Qed namalgamaw u nelenkaw ukoll id-diversi opportunitajiet t’inċentivi li jeżistu fuq pjattaforma waħda. L-intrapriżi f’Għawdex b’hekk ser ikunu dejjem aġġornati u mgħarrfa bl-opportunitajiet li l-Gvern ikun qed joffri,” spjega Camilleri.

Il-Ministru saħaq li l-Gvern kommess li jkompli joħloq diversi opportunitajiet għall-operat f’Għawdex li jwassal ukoll għal aktar ħolqien t’impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli.

Semma li l-istatistika turi li fl-aħħar snin f’Għawdex żdied ix-xogħol, hekk kif filwaqt li fl-2017 kien hemm 11,512-il persuna li jaħdmu f’Għawdex, fl-2023 din iċ-ċifra telgħet għal 16,410.

Is-seba' skemi li ġew imnedija huma:

·       Supporting Sustainable Quality Employment in Gozo Scheme - L-iskop tal-iskema huwa l-ħolqien t’impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli. L-iskema toffri rimborż parzjali ta’ salarju, mifrux fuq 3 snin, għal impjieg full-time indefinit f’Għawdex.

·       Supporting Knowledge Based Sectors in Gozo Scheme - L-iskema se toffri rimborż parzjali ta’ salarju għall-impjiegi settorjali speċjalizzati f’Għawdex, magħrufa aktar bħala Knowledge Based Economic Activities. L-iskema tinkludi wkoll inċentiv relatat ma’ taħriġ.

·       Gozo Teleworking Scheme - Din l-iskema qed terġa’ tiġi mnedija sabiex inkomplu niffaċilitaw l-impenn ta’ ħaddiema Għawdxin f’Malta. Barra minn hekk dawk l-impjegati li diġà bbenefikaw mill-iskema għal perjodu ta’ 3 snin, issa jistgħu jerġgħu japplikaw bi qbil mal-employer tagħhom.

·       MICE Restoration Scheme - L-għan tal-iskema huwa li nkomplu ninċentivaw investiment li jgħolli l-kwalità tal-prodott turistiku Għawdxi. L-iskema toffri appoġġ finanzjarju għar-rinnovazzjoni u titjib ta’ faċilitajiet li għandhom il-kapaċità li jospitaw attivitajiet relatati man-niċċa turistika MICE.

·       Supporting the Adventurous Tourism Industry in Gozo through Hiring Equipment Refund Scheme - Din l-iskema tiffoka fuq in-niċċa tat-turiżmu avventuruż. L-għan huwa li nkompli nsostnu l-operaturi f’dan il-qasam sabiex ikomplu jtejbu l-kwalità tas-servizz u l-prodott turistiku offrut minnhom.

·       Supporting Marketing Initiatives for the Accommodation Sector in Gozo Scheme - Din hija skema ddedikata għall-operaturi tal-akkomodazzjoni f’Għawdex fejn l-inċentiv offrut ser ikun qed isostni l-prodott u l-impenn diġitali tagħhom. L-għan ta’ din l-iskema hu li apparti li s-settur tal-akkomodazzjoni jtejjeb il-kompetittività diġitali, jikseb aktar viżibilità fis-swieq domestiċi u internazzjonali.

·       Supporting Marketing Initiatives for Specific Niche Markets in Gozo 2024 - L-iskema tinċentiva operaturi f’niċeċ partikolari sabiex jinvestu fi promozzjoni tal-prodott tagħhom u n-niċċa li joperaw fiha. L-għan tal-iskema hu li nkomplu nippromwovu l-esperjenza li toffri d-destinazzjoni.

Camilleri temm billi rringrazzja lid-Direttorat tat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru li ħadem fuq dawn l-inċentivi.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur tat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku Ronald Sultana spjega li l-brand InvestGozo għandha l-għan primarju li tippromwovi lil Għawdex f’diversi fora relattivi, u fl-istess waqt tippromwovi d-diversi inċentivi li l-Ministeru jkun qed jamministra.

Għal aktar tagħrif wieħed għandu jżur is-sit elettroniku investgozo.gov.mt, kif ukoll jsegwi l-paġna InvestGozo fuq il-midja soċjali.

More in Politika