Pont pedonali li jgħaqqad żewġ lukandi qed jiġi propost f’San Ġiljan, fiż-żona tal-bajja ta’ San Ġorġ.
Il-pont hu pjanat li jgħaqqad mill-10 sular tal-Intercontinental mar-4 u s-sitt sular tal-Lukanda Voco Hotel.
Iż-żewġ lukandi għandhom jinbnew, u t-tnejn li huma huma proprjetà tal-Eden Leisure Group.
Il-pjanti mressqa lill-Awtorità tal-Ippjanar jipprevedu t-twaqqif ta’ struttura tal-azzar bl-iskrizzjoni ‘Merħba fil-Bajja ta’ San Ġorġ’ miktuba fuqha.
Il-lukanda Voco ta’ 13-il sular qed tinbena fuq il-binja eżistenti tal-Eden SuperBowl.
Hija lukanda ta’ erba’ stilel, b’388 sodda. Fl-istess binja hemm 4,497sq.m spazju għall-uffiċċini u 2,137sq.m ta’ spazju għall-ħwienet.
L-iżvilupp tal-lukandi ġie approvat wara li l-perit tal-iżviluppatur iddikjara li l-uffiċċji se jintużaw għall-operat tat-tliet lukandi – l-InterContinental Malta, il-Holiday Inn Express u l-lukanda l-ġdida.
Barra minn hekk, skont il-perit, parti kbira mill-komponent tal-uffiċċju se titqiegħed fuq iż-żona ta’ binja eżistenti fil-kantuniera bejn Triq Santu Wistin u Sqaq Lourdes.