Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela inawgura klinika ġdida fil-komunità fil-lokalità ta’ Birżebbuġa.
Din il-klinika se tkun qed toffri s-servizzi ta’ tabib tal-familja, speech and language pathology, kif ukoll podjatrija, fiżjoterapija, u se jkollha wkoll social workers kif ukoll professjonisti fil-kura tas-saħħa mentali.
Din il-klinika ġdida saret b’kollaborazzjoni mal-kunsill lokali ta’ Birżebbuġa u ġiet parzjalment iffinanzjata mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali (NDSF), u se tkun qed taqdi ’l fuq minn 14,000 persuna residenti Birżebbuġa kif ukoll persuni li jgħixu fil-madwar.
Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega kif issa f’pajjiżna nsibu 26 klinika fil-komunità u li fis-sena qed jagħmlu użu minnhom ’l fuq minn 100,000 pazjent.
Hu qal kif il-firxa ta’ servizzi tal-kura primarja fil-Kliniċi tal-Komunità huma konformi mal-ħidma tal-WHO fejn is-sistemi u s-servizzi tal-kura tas-saħħa jaħdmu l-aħjar meta jersqu eqreb lejn il-komunità. L-għan primarju ta’ din il-viżjoni hu li l-isforzi u l-ħidma li qed issir fil-kura tas-saħħa primarja tkun iċċentrata fuq il-pazjent.
“B’din il-klinika, dan ix-xahar ser nkunu ftaħna erba' ċentri ta’ kura primarja fil-komunita. Dan juri l-impenn tal-gvern li jkompli jinvesti u jsaħħah il-kura medika fil-qalba tal-komunita u eqreb lejn l-pazjent,” temm jgħid il-ministru.
Is-Sindku ta’ Birżebbuġa Scott Camilleri qal kif bħala kunsill jirrikonoxxu l-ħidma li saret biex infetħet klinika għall-komunità f’din il-lokalità. “Proġett li kien ilu mistenni għal numru tas-snin u li bla dubju ser jintlaqa tajjeb mir-residenti f’Birżebbuġa.”
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Primary Health Care Roseanne Camilleri spjegat li “permezz ta’ dawn il-kliniċi multi-dixxiplinarji qed inkomplu naraw li f’pajjizna inqarbu s-servizz tal-kura primarja fejn wieħed jaħdem u viċin ir-residenti.”