Il-Pjazza San Ġorġ fir-Rabat Għawdex spiċċat żgumbrata minn kull naħa, jgħid l-Arċipriet Joseph Curmi f’kumment fuq il-Facebook.
“Filwaqt li f’okkażjonijiet ta’ purċissjonijiet qed naslu, fin-normalità ta’ kuljum is-sitwazzjoni dejjem sejra għall-agħar. Din x’tista’ tissejjaħ jekk mhux anarkija?,” qal l-Arċipriet.
Staqsa wkoll kif jista’ jkun li din tibqa’ tiġi ttolerata.
“Nittolleraw li min ħataf l-art pubblika tal-poplu jibqa' jgħaddi minn fuq kulħadd? Kif jista‘ jkun nittolleraw li min għandu funeral jew tieġ irid jagħmel permess biex ineħħi lil min okkupa art pubblika? Kif jista‘ jkun nittolleraw li funeral jidħol fil-Pjazza bid-daqq tal-ħornijiet u nies minn tal-funeral stess jippruvaw iressqu l-umbrelel u l-imwejjed? Kif jista‘ jkun nibqgħu nittolleraw li l-għarus li għandu t-tieġ wara li jkun ħallas regolarment għall-permess irid imur jitkarrab lis-sidien biex filgħaxija jkun jista‘ jidħol għat-tieġ tiegħu u forsi xorta ma jwarrbux għax l-awtoritajiet jgħidulu li jrid javżahom hu għax huma ma jidħlux?”
Insista lin-nies għandhom dritt għal funeral u tieġ diċenti bħal ma għandhom dritt jgħaddu b'wheel chair u pushchair, għandhom dritt jgħaddu saħansitra bil-mixi.
Spjega li l-pjazza għandha erba’ entraturi u kollha huma blokkjati abbużivament u “għax ċerti sidien tal-ħwienet jafu li ma tittieħed l-ebda azzjoni jiġu jaqgħu u jqumu” waqt li jitfgħu dell ikrah fuq sidien oħra li huma ċivili u li jikkollaboraw u li jimxu mar-regoli.
“Din mhix ġustizzja. L-art tal-poplu ħadd m’għandu dritt għaliha ħlief il-poplu,” huwa kompla jgħid.
Min-naħa tiegħu spjega kif il-paroċċa priva timxi bil-kelma t-tajba, bid-djalogu u l-kompromess.
“Pruvajna niltaqgħu mas-sidien personalment. Pruvajna nimxu b’laqgħat għal xhur sħaħ mal-awtoritajiet kollha (fosthom Pulizija, Transport Malta, MTA, Kunsill Lokali, Lands Authority). Kollha jgħidu b’mod jew ieħor li m’għandhomx awtorità u li Pjazza San Ġorġ ma jidħlux.”
Spjega li wara ħafna laqgħat ġew l-Awtorità tal-Artijiet minn Malta jipprova jirregolaw is-sitwazzjoni flimkien mal-pulizija, u wara ftit jiem “kollox jerġa‘ lura għal li kien.”
Alex Borg jgħid li dan hu biss kaos
B’reazzjoni ta’ dan il-membru parlamentari Alex Borg qabel li mhux pust illi bniedem bil-permessi kollha f'idejh jitkarrab biex jiġu jiżgumbraw il-pjazza f'mumenti li huma tant importanti ghal dawk l-indivdwi, sew jekk funeral jew tieġ.
“Jista bniedem jgħaddi liberament bil-mixi? U jekk alla ħares qatt tinqala emerġenza medika jew ta natura oħra bħal nirien? Min se jerfa' r-responsabbiltà għan-nuqqas t'access?,” huwa staqsa.
Huwa qal li għalih dan mhux pjan, mhux immaniġjar, imma biss kaos.
Fakkar kif il-pjazza qabel kienet biss parkeġġ, u l-viżjoni tal-kunsill lokali ta' dak iż-żmien imexxi minn Robert Tabone kienet li din tiġi mgħoddija lura lill-poplu. Huwa għalhekk li issa saret post ta' attrazjoni.
“Li jkun hemm attività kummerċjali hija aċċettabbli li pero' dik l-attività fl-eżegerazzjoni toħnoq il-pjazza u toqtol x'jagħmel il-pjazza attrazzjoni, hekk le.”
Huwa qal li staqsa sitt mistoqsijiet paralmentari f'daqqa lill-Ministri konċernati tal-entitatijiet li l-parroċċa iltaqgħet magħhom.
Iżda, sfortunatament, sa issa “farfru kif stqarret il-parroċċa. Sa issa għadna bla risposta.”