Sondaġġ tal-MaltaToday juri li iktar Laburisti ddeċidew li jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u dan wassal biex il-maġġoranza tal-PL tikber minn 15,000 vot fi Frar għal kważi 29,000 vot.
Il-Partit Laburista jidher li riesaq għal rebħa kbira oħra, b’distakk ta’ ftit inqas minn 29,000 fuq il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju li ġej.
Filwaqt li Frar li għadda, meta 62.5% kienu beħsiebhom jivvutaw għall-Partit Laburista, il-PL kien minn quddiem bi 15,000 vot. Madankollu, fl-aħħar sondaġġ ħareġ li 76.6% se jivvutaw lill-Partit Laburista, u dan ifisser li d-distakk kważi rdoppja.
Fil-fatt, numri dettaljati żvelati mill-gazzetta oħt juru li l-persentaġġ ta’ votanti Laburisti li mhux beħsiebhom jivvutaw naqas sostanzjalment minn 34.2% għal 14.3%.
Il-persentaġġ ta’ votanti Nazzjonalisti li mhux se jivvutaw ukoll naqas b’rata inqas minn 22.7% għal 13.5%.
Dan jindika li l-elettorat illum huwa iktar ikkargat għall-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej, sintomu tal-kampanji li għaddejjin ġmielhom mill-partiti l-kbar u l-kandidati individwali rispettivament.
Ir-riżultat jikkonċiedi wkoll mal-ispekulazzjonijiet marbuta mal-kandidatura potenzjali tal-Eks Prim Ministru u MPE Joseph Muscat, li jista’ jkun il-kalamita għal ċerti Laburisti li birdu.
Ir-riżultat ukoll jista’ jkun indikazzjoni li l-elettorat qed japprezza l-ħidma tal-Gvern biex irażżan l-inflazzjoni permezz ta’ skemi ta’ stabbilità.
L-istħarriġ juri wkoll tnaqqis fl-ammont ta’ Laburisti li beħsiebhom jivvutaw lill-partiti ż-żgħar; minn 5% fl-istħarriġ ta’ Frar għal 2% biss.
Għal darb’oħra, l-istħarriġ juri wkoll lill-Prim Ministru Robert Abela jgawdi vantaġġ ta’ 24 punt perċentwali fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.