Żieda fin-nefqa kapitali u defiċit aħjar milli mbassar

Ingħalqu l-kontijiet finanzjarji għas-sena li għaddiet u l-konklużjonijiet ewlenin juru li l-Gvern nefaq kważi biljun ewro fi proġetti kapitali

Ingħalqu l-kontijiet finanzjarji għas-sena li għaddiet u l-konklużjonijiet ewlenin juru li l-Gvern nefaq kważi biljun ewro fi proġetti kapitali. Fl-istess ħin, id-defiċit kien inqas minn dak imbassar fid-diskors tal-budget għas-sena ta’ qabel, biex il-Gvern laħaq il-miri finanzjarji tiegħu.  

Dan joħroġ minn figuri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fejn jirriżulta li s-sena li għaddiet il-Gvern kważi nefaq biljun ewro fi proġetti kapitali.  

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika indika li l-investiment kapitali fis-saħħa rdoppja meta mqabbel mal-2022, filwaqt li dak fuq l-ambjent qabeż il-€150 miljun għall-ewwel darba fl-istorja. Fl-edukazzjoni u fis-sigurtà, il-proġetti kapitali ammontaw għal kważi kwart aktar mis-sena ta’ qabel. B’kollox, l-allokazzjoni kapitali totali kienet aktar minn terz akbar. 

Minkejja dan, jirriżulta li d-defiċit fuq il-Fond Konsolidat naqas minn €885 miljun fl-2022 għal €808 miljun is-sena li għaddiet. Dan minkejja li kien hemm spiża ta’ kważi mitt miljun aktar fuq benefiċċji soċjali, filwaqt li kien hemm spiża akbar ta’ €23 miljun minħabba t-trasport pubbliku b’xejn.  

Barra minn hekk id-defiċit kien ferm anqas minn dak imbassar fid-diskors tal-Budget meta kien maħsub li seta’ jlaħħaq id-€969 miljun. Dan ifisser li l-Gvern mar 17% aħjar milli previst. Mentri l-previżjoni fejn jirrigwardja dħul li sar fil-Baġit kienet ferm viċin dak li fil-fatt kien miġbur mill-Gvern, tant li l-ispiża kienet kważi kwart ta’ biljun anqas milli kien mistenni.  

L-istqarrija tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tindika li l-akbar spiża tal-Gvern is-sena li għaddiet kienet fuq protezzjoni soċjali, bl-allokazzjoni titla’ għal aktar minn €2.2 biljun, żieda ta’ kważi 10% fuq l-2022. Fuq is-saħħa, il-Gvern nefaq għall-ewwel darba fl-istorja aktar minn biljun ewro, b’żieda ta’ 11% fuq is-sena ta’ qabel. Anke fl-edukazzjoni kien hemm żieda ta’ 10% fl-ispiża pubblika, tant li din laħqet kważi €850 miljun. 

Fejn jidħol dħul, l-akbar żieda kienet mill-Income Tax fejn il-Gvern kważi ġabar €2.5 biljun ewro, jew madwar terz ta’ biljun aktar mis-sena ta’ qabel. Kien hemm żieda qawwija wkoll fid-dħul mill-bolla, fejn inġabru aktar minn mitt miljun ewro aktar. B’kuntrast għall-ewwel darba, il-Gvern ma kellu l-ebda dħul mill-Bank Ċentrali. Dan jidher li kien ikkawżat mill-fatt li l-Bank Ċentrali kellu jħallas imgħaxijiet għolja lill-banek kummerċjali għad-depositi li jagħmlu miegħu, liema pagamenti kienu fattur ewlieni wara l-profitti rekord li rrappurtaw il-banek lokali. 

 

More in Politika