F’Malta, bdiet tittella’ konferenza annwali dwar l-antisemitiżmu, l-ewwel konferenza tal-OSCE waqt il-Presidenza ta’ Malta ta’ din l-organizzazzjoni internazzjonali.
Matul il-ftuħ ta’ din il-konferenza, li ssir kull sena mill-OSCE, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, li bħalissa qed jokkupa wkoll il-kariga ta’ Chairperson-in-Office tal-OSCE, enfasizza l-urġenza li jkun hemm aktar rieda kollettiva kontra l-antisemitiżmu u kull forma ta’ intolleranza u diskriminazzjoni oħra.
“Huwa kruċjali li nimxu mill-prinċipji fundamentali tal-OSCE bħall-ugwaljanza, tolleranza, in-non-diskriminazzjoni u r-rispett lejn kulħadd, irrelevanti mit-twemmin u l-etniċità tagħhom,” qal il-Ministru Borg.
Il-Ministru Ian Borg spjega kif l-antisemitiżmu, flimkien mal-intolleranza tar-reliġjonijiet u l-ksenofobija qegħdin ikunu ta’ theddida għas-sigurtà tas-soċjetajiet kollha madwar id-dinja kollha, primarjament b’kunflitti li qed ikollna f’diversi reġjuni.
Huwa talab li jkun hemm rieda u miżuri proattivi minn kulħadd, filwaqt li enfasizza l-irwol kruċjali tal-edukazzjoni f’dan il-qasam biex ikun hemm aktar ftehim u aċċettazzjoni. Hawnhekk il-Ministru Borg irrifletta wkoll fuq l-irwol storiku li kellha Malta biex tipprovdi santwarju għar-refuġjati Lhud matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-Ministru Borg wera l-apprezzament tiegħu lejn l-Uffiċċju tal-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) fi ħdan l-OSCE għad-dedikazzjoni tagħhom biex jippromwovu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-OSCE. Huwa rringrazzja wkoll lir-Rappreżentanti Speċjali tiegħu għat-Toleranza u Non-Diskriminazzjoni.
Fi tmiem id-diskors tiegħu, Borg talab għall-impenn kollettiv biex jaħdmu għal dinja li fiha kull individwu jista’ jgħix ħajja libera mingħajr ebda biża u diskriminazzjoni irrelevanti x’jemmen u minn fejn ġej.Total ta’ 47 delegazzjoni mis-57 pajjiżi msieħba fl-OSCE qed jieħdu sehem f’din il-konferenza f’San Ġiljan.
Fil-ftuħ ta’ din il-konferenza tkellmu wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-OSCE Helga Schmid, id-Direttur tal-ODHIR Matteo Meccaci, il-Kummissarju Għoli tal-OSCE għall-Minoritajiet l-Ambaxxatur Kairat Abdrakhmanov, ir-Rappreżentanta Speċjali tal-OSCE għal-Libertà tal-Midja Teresa Ribeiro u anke l-President tal-Assemblea Parlamentari tal-OSCE Pia Kauma.
Fil-marġini ta’ din il-konferenza, Ian Borg kellu numru ta’ laqgħat bilaterali wkoll. Huwa ltaqa’ mar- Rappreżentant Speċjali tal-Istati Uniti għall-Ġlieda kontra l-Antisemitiżmu l-Ambaxxatur Deborah Lispstadt, ir-Rappreżentant Speċjali tar-Renju Unit għal materji relatati mal-eżitu ta’ wara l-Olokawst Lord Pickles, l-Ambaxxatur tal-Iżrael Zeev Boker, id-Direttur tal-ODIHR Matteo Meccaci u d-delegata tal-Ministru Franċiż għall-Ugwaljanza tal-Ġeneri u l-Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni Aurore Bergé.