Il-ftehim kollettiv mal-għalliema fl-iskejjel tal-Gvern ħa jiġi konkluż wara taħditiet twal bejn il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima u l-MUT immexxija minn Marco Bonnici.
Ilbieraħ il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-kelliema tiegħu, għajjar lill-Prim Ministru Robert Abela xħiħ talli mhux qed jagħti dak li hu mistħoqq lill-għalliema. Kelliem għall-Partit Laburista stqarr li jsibha stramba li l-kelliem tal-PN, li huwa għalliem imma ma jaħdimx ta’ għalliem, ma jiftakarx kif ġew trattati l-għalliema taħt Gvern Nazzjonalista.
Imma infatti ż-żidiet li se jingħataw se jkunu l-ikbar li qatt ingħataw lill-għalliema fl-istorja tagħhom.
Il-ftehim jikkonċerna l-iskejjel tal-Gvern u se jinkludi l-għoti ta’ miljuni fuq miljuni lill-għalliema. L-MUT kienet titlob ma’ tliet darbiet dak li se jingħata lill-għalliema. Imma xorta waħda ż-żidiet se jkunu sostanzjali.
Fl-ebda parti mill-ftehim hemm xi tibdil radikali li ttejjeb is-sitwazzjoni tat-tagħlim tat-tfal fl-iskejjel jew li jiżdiedu s-sigħat ta’ kuntatt (contact hours). Infatti l-għalliema ħa jibqgħu bl-istess vaganzi u bl-istess kundizzjonijiet, bħal pereżempju meta jkun hemm jum il-ġenituri, l-iskola tingħalaq u t-tfal ma jmorrux skola. Jew inkella meta jkun hemm seminars ġol-iskola għall-għalliema, l-iskola wkoll tingħalaq.
Fil-ftehim kollettiv ma jingħad xejn fuq il-lezzjonijiet tal-privatijiet, pjaga eterna tas-sistema edukattiva Maltija li tikkonċerna eluf ta’ studenti u mijiet ta’ għalliema. Jeżistu każijiet fejn l-istess għalliema li jgħallmu fil-klassi jispiċċaw jagħtu privat lill-istess studenti kontra ħlas mhux iddikjarat.
Hekk kif il-ftehim kollettiv jiġi ppreżentat mill-MUT lill-membri tagħha għall-approvazzjoni, tinbet il-problema tal-kundizzjonijiet tas-salarji tal-għalliema fl-iskejjel indipendenti. Huwa previst li hekk kif dawn is-salarji jiġu kkalibrati, il-miżati tat-tfal fl-iskejjel privati jisplodu, u ħafna ġenituri ta’ dħul medju jkollhom, jew jagħmlu sagrifiċċji kbar biex iżommu lit-tfal tagħhom hemm, jew inkella joħorġuhom kompletament mill-iskola. Xenarju li, sewwa l-Gvern, u sewwa l-MUT nesew jew ma kkunsidrawx meta kienu qed ifasslu l-aħħar dettalji tal-ftehim kollettiv li se jiġi jiswa miljuni fuq miljuni.