Il-MPE Laburista Cyrus Engerer ħabbar fuq il-midja soċjali tiegħu illi huwa ngħaqad mal-pjattaforma politika ‘Il-Kollettiv.’
Skont il-kitba ta’ Cyrus fuq l-Instagram, il-Ħamis filgħodu, il-Kollettiv tiġbor fiha persuni fi ġlieda għal ġustizzja soċjali, ugwalità u l-ġid komuni.
“Fl-Ewropa, f’Malta u madwar id-dinja rridu ningħaqdu flimkien bħala kollettiv biex niġġieldu kontra l-faxxiżmu li bil-mod il-mod qed jerġa’ jgħolli rasu,” qal l-MEP fuq post li ttella’ fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook.
"Illum, f'Jum il-Ħelsien, inġeddu dan l-impenn,” huwa kompla jgħid.
L-MPE Laburista għadu ma kkonfermax jekk hux se jkun qed joħroġ għall-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej.
Il-Kollettiv se jkun qed jitnieda uffiċjalment illum, il-Ħamis, fil-11am.