L-inkjesta tal-Vitals tingħalaq, b'78 kaxxa ta' evidenza f'idejn l-AĠ

Jixhed quddiem il-Imħallef Giovanni Grixti t-Tlieta filgħodu, ir-Reġistratur tal-Qrati Kriminali kkonferma li l-inkjesta maġisterjali dwar il-bejgħ ta’ tliet sptarijiet pubbliċi lill-Vitals Global Healthcare hija kompluta u ntbagħtet lill-Avukat Ġenerali

Jixhed quddiem il-Imħallef Giovanni Grixti t-Tlieta filgħodu, ir-Reġistratur tal-Qrati Kriminali kkonferma li l-inkjesta maġisterjali dwar il-bejgħ ta’ tliet sptarijiet pubbliċi lill-Vitals Global Healthcare hija kompluta u ntbagħtet lill-Avukat Ġenerali.

“L-inkjesta ġiet konkluża u magħluqa nhar il-Ħamis li għadda; marret għand l-AĠ fil-25 ta’ April,” qal Franklin Calleja lis-Sur Imħallef.

Il-ġurnata ħabtet mal-ġurnata meta nfetħu n-nomini għall-elezzjonijiet Ewropej u lokali. In-nomini għalqu nhar it-Tnejn fis-7pm.

Mitlub mill-avukat ta’ Muscat Vince Galea biex jispjega l-mekkaniżmi tal-proċess, ir-reġistratur qal li l-proċess-verbal, wara li ġie esebit fir-reġistru, jintbagħat flimkien mal-esebiti kollha lill-AG. Calleja qal li ntbagħtu 78 kaxxa ta’ evidenza flimkien mal-inkjesta.

S’issa, ma ngħatat l-ebda informazzjoni dwar l-eżitu tal-inkjesta, iżda l-pożizzjoni aggressiva adottata mill-Prim Ministru Robert Abela fil-jiem li għaddew, diġà qed tindika li l-PL qed jipprova jdawwarha illi l-maġistrat għażlet il-perjodu tal-pubblikazzjoni apposta biex jaħbat mal-ftuħ tal-applikazzjonijiet għal kandidaturi tal-elezzjoni li ġejja.

Il-Ħadd, Robert Abela wissa lill-ġudikatura biex ma tidħolx f’“terroriżmu politiku” b’referenza mgħottija għall-aspettattivi li qed jikbru li l-predeċessur tiegħu jista’ jiffaċċja akkużi kriminali.

Mingħajr ma semma lil Joseph Muscat, Abela rrefera għat-terremot politiku tal-2019 u akkuża lill-“establishment Nazzjonalista” li qed jipprova jfixkel il-progress tal-gvern.

F’kummenti mal-gazzetta oħt, il-Prim Ministru Robert Abela kien rrimarka għal darba oħra l-kumment tiegħu dwar il-ġudikatura.

It-Tnejn filgħodu, l-ILLUM irraportat kif tħassib serju ħakem lil Partit Laburista, bil-gazzetta tifhem li saru ukoll numru ta’ laqgħat ta’ kriżi fi tmiem il-ġimgħa.

Il-kawża tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, fejn qed jinsisti li qed jinkisrulu d-drittijiet tiegħu, kompliet t-Tlieta filgħodu.

Lura f’Marzu Muscat irtira l-kawża oriġinali tiegħu biex fetaħ waħda ġdida bil-għan li fi kliemu jippreżenta l-aħjar provi mill-atti tal-inkjesta tal-Isptarijiet ta’ Vitals.

AQRA UKOLL:

Muscat jgħid li xi wħud mill-istituzzjonijiet 'qed jaħdmu kontra l-Laburisti'

Bernard Grech jitlob l-AĠ u l-Kummissarju tal-Pulizija jaġixxu minnufih

Abela jħabbar il-ħruġ ta’ sejħa għar-Repożitorju Ċentrali tad-Dejta li jnaqqas il-burokrazija żejda

Repubblika titlob il-publikazzjoni sħiħa tal-inkjesta Vitals

More in Politika