L-eks Prim Ministru Joseph Muscat sejjaħ l-akkużi miġjubi kontrih bħala “sett ta' invenzjonijiet li ma jitwemmnux ħlief minn min ivvintahom.”
“Li kieku ma kienux daqshekk gravi, il-qari tal-akkużi fil-konfront tiegħi kienu jkunu tad-daħk,” huwa qal.
Jitkellem fuq il-midja soċjali tiegħu, Muscat kien qed jirreaġixxi għall-aħbar li numru ta’ akkużi se jkunu miġjuba fil-qorti kontrih, u kontra numru ta’ persuni oħra, inkluż Keith Schembri u Konrad Mizzi.
“Mingħajr ma semgħuni, l-awtoritajiet iddeċidew li jakkużawni u jtebbawni b'korruzzjoni, ħasil ta' flus, li waqqaft organizazzjoni kriminali u li saħansitra ħadt €30 miljun,” kompla jgħid.
Qal ukoll li se jieħu pjaċir ikisser kull akkuża waħda waħda u juri kif mhumiex mibnija biss fuq fantasija iżda wkoll fuq gideb.
“Illum hemm min qed ikanta vittorja għaliex tħalla jintefa tajn f'kawża li se ddum is-snin. Iżda min jidħak l-aħħar jidħak l-aħjar. U dakinhar l-effett se jkun ħafna akbar minn tal-lum,” hu temm jgħid.