'Il-veru establishment huwa Abela' - Opinjonisti mal-ILLUM dwar l-Inkjesta Vitals
Diversi attivisti, opinjonisti u kandidati tal-Elezzjonijiet Ewropej jitkellmu mal-gazzetta l-ILLUM dwar l-aħħar żviluppi li ħarġu fil-Qrati Maltin, wara l-konklużjoni tal-Inkjesta Vitals
minn Marianna Calleja
Fid-dawl tal-aħħar żviluppi fil-Qrati Maltin, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma numru ta' attivisti, opinjonisti, u kandidati tal-Elezzjonijiet Ewropej.
'Fearne għamel sewwa rriżenja, Scicluna għandu jsegwih' - Wayne Flask, Segretarju tal-pjattaforma politika, ‘Il-Kollettiv’
X’jidhirlek minn dak li seħħ fl-aħħar ftit jiem fil-Qorti, bl-Inkjesta Vitals, u anke bl-akkużi kontra diversi persuni, inkluż l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat?
Min-numru ta’ persuni taħt investigazzjoni u akkużati b’reati kriminali, jidher sew li dan l-iskandlu huwa tassew bla preċedent u jikxef sistema sħiħa ta’ korruzzjoni u nepotiżmu.
F’kuntest fejn awtoritajiet u pulizija ftit li xejn jagħtu informazzjoni lill-pubbliku, iqumu ftit tad-dubji fuq il-prassi li qed tintuża, fosthom il-fatt li l-akkużati ma ġewx interrogati. Fl-istess waqt, milli rajna minn każijiet kbar oħra quddiem il-Qrati, nistgħu nistennew xhur u snin ta’ dikjarazzjonijiet barra minn lokhom u logħob tal-avukati biex jiġi mfixkel il-proċess kollu.
L-iskandlu tal-Vitals huwa l-ikbar manifestazzjoni ta’ kif il-politika u l-big business qed jaħdmu kontra l-poplu: riżorsi pubbliċi bħas-saħħa, f’dan il-każ sptarijiet, saru għodda ta’ negozju personali u qligħ illeċitu. Sadanittant, flus il-poplu qed jintremew fil-korruzzjoni; huwa l-poplu l-ikbar vittma ta’ dan l-iskandlu, u dawk il-miljuni li nsterqu kienu jkunu iżjed utli għall-poplu u s-servizzi tas-saħħa li għalih inħallsu t-taxxi.
Indipendentement mid-dikjarazzjonijiet ta’ innoċenza, diġà nafu li l-Qrati sabu li l-ftehim innifsu kien illegali; din l-inkjesta tikkonferma kif sar dan kollu.
Għandhom Chris Fearne u Edward Scicluna jirriżenjaw mill-pożizzjoni rispettivi tagħhom?
F’pajjiż li jimxi mal-istat tad-dritt kien ikun hawn ir-riżenji l-għada li ħarġu l-allegazzjonijiet. Il-ħajja politika ġġib magħha dmirijiet fosthom ir-responsabbiltà oġġettiva, u ma hemm ebda mod kif Fearne u Scicluna jistgħu jżommu posthom. Anke jekk mhux ħatja ta’ aġir kriminali, insibha diffiċli nifhem kif, f’karigi bħal tagħhom, baqgħu siekta fuq skandlu ta’ dan id-daqs. Fearne għamel sewwa rriżenja, Scicluna għandu jsegwih.
Temmen li dan hu “terroriżmu politiku” minn dak l-imsejjaħ “establishment” kif qed jirreferi għalih il-Prim Ministru Robert Abela?
Faċli ħafna tattakka entitajiet bħall-establishment mingħajr ma ssemmi ismijiet. L-attakk ta’ Abela fuq il-ġudikatura bħala “establishment” ma jagħmilx sens. L-ewwel nett il-Prim Ministru huwa l-iżjed persuna potenti ta’ Malta; għandu rwol fil-ħatriet tal-Prim Imħallef, u fost l-imħallfin u l-maġistrati nsibu anke eks membri tal-Partit Laburista li nħatru tul l-aħħar ħdax-il sena. Dawn jeħtieġu l-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-kamra; jiġifieri, parti mill-“establishment” Nazzjonalist ukoll.
Diffiċli wkoll li avukat, iben avukat ieħor, bil-poter u l-ħbiberiji kollha li jinbtu kullimkien, ma jkunx parti minn dan l-establishment tal-ġudikatura.
Abela spiss jgħid li l-istituzzjonijiet għandhom jitħallew jaħdmu. Dakinhar li l-Pulizija marret tħabbat għand Muscat, kienu qed jaħdmu l-istituzzjonijiet jew l-establishment?
Meta Prim Ministru – li jgħid li jemmen fl-istat tad-dritt – jitfa’ d-dubju fuq l-istituzzjonijiet li jaqgħu taħtu, direttament u mhux, ikun qed jagħmel att ta’ irresponsabbiltà li jista’ joħloq preċedenti serji.
'F’dan il-pajjiż, l-establishment jeżisti u iva, jipprova jitterrorizza lin-nies' - Steve Ellul, Kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew
X’jidhirlek minn dak li seħħ fl-aħħar ftit jiem fil-Qorti, bl-Inkjesta Vitals, u anke bl-akkużi kontra diversi persuni, inkluż l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat?
Nifhem li l-akkużi li qed tirreferi għalihom s’issa dehru biss fil-gazzetti u allura ftit nista’ nikkummenta fuqhom. Fil-fatt, jien ningħaqad mal-appell immedjat tal-Prim Ministru li l-inkjesta tiġi ppubblikata fl-intier tagħha biex tkun tista’ ssir analiżi serja u kalma.
Li nista’ ngħid huwa dak li qed jgħidu n-nies fil-kwiet ta’ djarhom. Irrelevanti mill-mertu tal-każ, il-fatt li inkjesta ddum għaddejja erba’ snin u nofs u b’kumbinazzjoni titlesta fis-siegħa preċiża tal-bidu ta’ kampanja elettorali, le ma tantx tnissel fiduċja li l-ġustizzja mhux biss issir imma tidher li qed issir.
Bl-istess mod, il-fatt li tul dawn l-erba’ snin u nofs kellna esponenti tal-Partit Nazzjonalista li fuq il-Facebook joħorġu dettalji u żviluppi b’rabta ma’ din l-inkjesta, li juru b’mod ċar li jafu x’se jiġri u x’fiha l-inkjesta, ukoll nemmen li ma tantx issaħħaħ il-fiduċja tan-nies f’dan il-proċess.
Personalment kont nippreferi stil differenti. Li jekk hemm allegazzjoni, tiġi investigata fil-kwiet, ma tiżżeffinx f’nofs kampanja elettorali u ma ssirx ballun politiku, kulħadd jingħata dritt jiddefendi ruħu u mbagħad jittieħdu d-deċiżjonijiet u n-nies jaslu għall-konklużjoni tagħhom. Nemmen li hekk għandhom isiru l-affarijiet.
Għandhom Chris Fearne u Edward Scicluna jirriżenjaw mill-pożizzjoni rispettivi tagħhom?
Qed issemmi żewġ persuni li huma magħrufin għall-integrità u l-kompetenza tagħhom. Chris fil-qasam tas-saħħa u Edward fil-qasam tal-finanzi. Nafhom bħala persuni retti li l-kapaċitajiet tagħhom huma rikonoxxuti internazzjonalment.
Chris ħass li kellu jagħmel pass lura mill-kariga li kellu biex jiddefendi dak li qed jingħad. Minkejja li l-Prim Ministru ġustament talbu jikkunsidraha, Chris baqa’ mal-pożizzjoni tiegħu. Iżda nieħu gost li qal li, fi tmiem dan il-proċess, jekk pajjiżu jerġa’ jsejjaħlu, ikun lest biex ikompli jagħti servizz. Chris fadallu x’jagħti lil dan il-pajjiż.
Biżżejjed naraw ix-xogħol tiegħu fil-pandemija. Meta kellna dinja għarkupptejha, u flimkien mal-Prim Ministru, Chris wera kompetenza straordinarja fl-immaniġġjar ta’ dik is-sitwazzjoni li qatt ma konna rajna bħalha u Malta saħansitra kienet mudell għal pajjiżi oħra. U Chris eventwalment ingħata wkoll rwol fl-Għaqda Dinija tas-Saħħa.
L-istess prinċipju japplika għall-Professur Scicluna u x-xogħol kbir li wettaq tul is-snin taħt Gvernijiet differenti. Mill-ġdid, sa issa fid-dominju pubbliku m’hemm l-ebda dokumentazzjoni uffiċjali ta’ din l-inkjesta, u allura li naqbad ngħid jien li għandhom jittajru lista ta’ persuni li ssemmew fil-gazzetti, onestament ma nħossx li huwa l-mod kif isiru l-affarijiet.
Temmen li dan hu “terroriżmu politiku” minn dak l-imsejjaħ “establishment” kif qed jirreferi għalih il-Prim Ministru Robert Abela?
F’dan il-pajjiż, l-establishment jeżisti u iva jipprova jitterrorizza lin-nies. Huma l-forzi tad-dlam li jemmnu li għandhom dritt divin li jmexxu dan il-pajjiż, u li jekk ma jilagħbux, jagħżlu li jħassru b’kull mezz.
Dawk li fl-aħħar jiem saqsew min hu l-establishment, jafu sew għal min qed nirreferu. Dawk li jqaċċtu kap tagħhom stess elett demokratikament u jsejħu lilhom infushom eroj. Dawk li jagħmlu l-ħajja infern lil min ma jikkonformax mal-linja tagħhom – kif kien qal l-Eks Deputat Mario Galea. Huma n-nies li jwaħħlu fil-poplu talli jkun ta l-fiduċja lill-Gvern li ma jogħġobx lilhom. Dak huwa l-establishment.
L-establishment li jipprietka ħafna fuq l-istituzzjonijiet, iżda mbagħad jgħajjar kontinwament lill-Avukat Ġenerali, lill-Kummissarju tal-Pulizija, saħansitra jiddikjara diżubbidjenza fuq l-Istituzzjoni tal-Ispeaker.
Kif diġà għedt, it-timings u l-leaks li kkaratterizzaw din l-Inkjesta mhumiex sinjali li jnisslu fiduċja f’dan il-proċess. Irrid infakkar li hemm inkjesti oħra li tlestew u li rrakkomandaw li jitressqu nies il-Qorti iżda sal-lum, snin wara, baqgħu ma tressqux dawn il-persuni.
F’dan il-każ l-Inkjesta tlestiet fil-bidu tal-kampanja elettorali u propju fl-istess xahar diġà se jibdew jitressqu n-nies il-Qorti. F’dan il-kuntest, onestament issa nittama li l-proċess ma jtawwalx iktar milli hemm bżonn biex il-konklużjonijiet fattwali jkunu magħrufa.
Fuq livell politiku, iktar minn qatt qabel, ir-risposta tan-nies tingħata fit-8 ta’ Ġunju li ġej.
'Il-veru establishment huwa magħmul minn Robert Abela, u missieru George' - Arnold Cassola, Kandidat indipendenti għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew
X’jidhirlek minn dak li seħħ fl-aħħar ftit jiem fil-Qorti, bl-Inkjesta Vitals, u anke bl-akkużi kontra diversi persuni, inkluż l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat?
Seħħ dak li jseħħ normalment f’kull pajjiż demokratiku meta jkollok skandlu ta’ din l-entità. L-akkużi huma tabilħaqq straordinarji. Id-dewmien fl-inkjesta jixhed kemm huma nieqsa minn riżorsi umani adegwati l-magistrati taghna. Hemm bżonn għalhekk tisħiħ immedjat ta’ dawn ir-rizorsi.
Għandhom Chris Fearne u Edward Scicluna jirriżenjaw mill-pożizzjoni rispettivi tagħhom?
Iva, m’hemmx dubju. Madankollu, niddistingwi bejn it-tnejn. Anki jekk b’mod dgħajjef, Fearne ġa offra r-riżenja tiegħu u għalhekk wera li għandu minimu ta’ dinjità u rispett lejh innifsu. Scicluna, mill-banda l-oħra, ikkonferma li huwa yesman bla dinjità. Moħħu biss li jżomm is-siġġu, politiku jew tas-Central Bank, bis-salarju ġeneruż li dan iġib miegħu. Bażikament, sangisuga beżżiegħ u bla idea tal-istat u tad-dinjità li suppost il-karigi tiegħu jġibu magħhom.
Temmen li dan hu “terroriżmu politiku” minn dak l-imsejjaħ “establishment” kif qed jirreferi għalih il-Prim Ministru Robert Abela?
Assolutament le. Il-maġistrata qdiet dmirha kif suppost. U, jekk xejn, wara 11-il sena fil-Gvern, il-veru establishment huwa magħmul minn Robert Abela, missieru George, li – minkejja li mhux elett – għandu rwol importanti fit-tmexxija ġewwa Kastilja, u oħt il-mara ta’ Robert, li hija Segretarju Parlamentari.
Jidher li dan l-establishment tal-familja Abela ma għandux is-saħħa li jobżoq lid-delinkwent politiku Joseph Muscat li, milli jidher, għandu ħafna xi jgħid fuq Robert, li huwa fi stat ta' impotenza politika meta jiġi biex jaġixxi kontra Muscat.
'Abela qed jinsa li hu l-Prim Ministru ta’ Malta, mhux l-avukat ta’ Joseph Muscat' - Sandra Gauci, Chairperson tal-ADPD, u Kandidata tal-ADPD għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew
X’jidhirlek minn dak li seħħ fl-aħħar ftit jiem fil-Qorti, bl-Inkjesta Vitals, u anke bl-akkużi kontra diversi persuni, inkluż l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat?
Nemmen li dawn akkużi serji, li hemm bżonn jittieħdu bis-serjetà. Nispera li ma jkunx hemm xi loopholes, żbalji, jew affarijiet oħra li jistgħu jtappnu t-treġija tal-ġustizzja. Nispera li kollox imur sew, mingħajr dellijiet.
Għandhom Chris Fearne u Edward Scicluna jirriżenjaw mill-pożizzjoni rispettivi tagħhom?
Kif joħorġu l-akkużi bl-eżatti kontra, kemm Chris Fearne u Edward Scicluna, iva nemmen li t-tnejn għandhom jirriżenjaw b’mod immedjat għax il-pożizzjoni tagħhom ma tibqax treġi aktar.
Temmen li dan hu “terroriżmu politiku” minn dak l-imsejjaħ “establishment” kif qed jirreferi għalih il-Prim Ministru Robert Abela?
Le ma nemminx li hu terroriżmu politiku. Din hija biss skuża banali biex il-Prim Ministru Robert Abela jipprova jaqbeż għal Joseph Muscat. Imma Robert Abela għandu bżonn jiftakar li huwa l-Prim Ministru ta’ Malta u mhux l-avukat ta’ Joseph Muscat. Abela huwa l-Prim Ministru ta’ pajjiż sħiħ imma donnu qed jinsa.
'Id-demokrazija tagħna tinsab fix-xifer u l-poplu biss irid ikun li jsalva lil Malta' - Peter Agius, Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew
X’jidhirlek minn dak li seħħ fl-aħħar ftit jiem fil-Qorti, bl-Inkjesta Vitals, u anke bl-akkużi kontra diversi persuni, inkluż l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat?
Il-koruzzjoni tnawwar il-ġustizzja. Il-korruzzjoni tnawwar il-pajjiż. Ma jistax ikollok l-ebda avvanz fis-saħħa, fl-edukazzjoni, fis-suq tax-xogħol, fl-ambjent, jekk ma jkollokx l-integrità. Għalhekk dak li qed jiġri fl-aħħar ftit ġranet huwa gravissimu. U juri li d-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru, minflok qed ikun ta’ statesman, qed jipproteġi xawwatu, jipproteġi ġildu. Qed juri l-istat gravi li wasalna fih f’pajjiżna. Id-demokrazija tagħna tinsab fix-xifer u l-poplu tagħna jrid ikun li jsalva lil Malta minn dan il-Gvern.
Għandhom Chris Fearne u Edward Scicluna jirriżenjaw mill-pożizzjoni rispettivi tagħhom?
Chris Fearne, Edward Scicluna u oħrajn implikati fl-inkjesta, iva, għandhom jirriżenjaw. Dan għaliex il-karigi pubbliċi jrid ikollhom il-fiduċja pubblika. Ma jistax ikollok fiduċja pubblika jekk ikollok kontrik akkuża. M’hemmx għalfejn tkun ikkundanat. Jekk kontrik għandek akkuża, diġà qed timmina l-kredibbiltà pubblika f’dak li qed tagħmel. U peress li dak li qed jagħmlu dawn in-nies huwa ta’ interess pubbliku, u peress li diġà saru ħafna żbalji gravissimi, inkluż kuntratt frawdolenti ġġudikat mill-Qorti, fejn il-Maltin insterqu €400 miljun, allura huwa evidenti li l-inqas ħaġa li jistgħu jagħmlu, l-inqas ħaġa fi kwalunkwe demokrazija Ewropea, hija li jirriżenjaw mal-ewwel, f’inqas minn ħames minuti. Huwa ħasra li f’Malta jibqgħu ankrati mas-siġġu tal-poter.
Temmen li dan hu “terroriżmu politiku” minn dak l-imsejjaħ “establishment” kif qed jirreferi għalih il-Prim Ministru Robert Abela?
Għalija l-establishment huwa Robert Abela, li jibqa’ jipproteġi ġildu minflok jagħmel servizz għall-pajjiż. L-establishment huwa Joseph Muscat, li kisser pajjiż bil-korruzzjoni u issa jrid imur fuq il-midja mingħalih se jiskredità dak li qed jagħmlu l-Qrati.
L-esteblishment mhumiex l-istituzzjonijiet li provaw jagħmlu xogħolhom. L-establishment huma dawk li qed jiskreditaw l-istituzzjonijiet, li qed jipprovaw inaqqsulhom il-kredibbiltà biex tibqa’ tgħaddi tagħhom, biex jibqgħu igerfxu u jħawdu weħidhom.
Fit-8 ta’ Ġunju rridu nagħtu risposta għal dan kollu. Fit-8 ta’ Ġunju qed nappella lill-Maltin kollha ta’ rieda tajba, inkluż Laburisti ġenwini, biex joħorġu mid-dar u jivvotaw għall-bidla. Irridu nibdew mewġa ta’ bidla għal politika ta’ integrità, għal politika ta’ riżultati.
Jiena, Peter Agius, se nkun kandidat fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista u nagħti l-kelma tiegħi li naħdem dejjem fl-interess tan-nazzjon, fl-interess tal-ħaddiema, taż-żgħażagħ, tal-pensjonanti tagħna, tan-negozji tagħna. Għalhekk irrid nuża l-esperjenza tiegħi fl-Unjoni Ewropea biex inwettaq il-ġid għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.
'Timing isir dejjem meta jintbagħtu ċ-ċekkijiet qabel l-elezzjoni' - Peppi Azzopardi, opinjonist, u attivist
Min qed jogħrok idejh jew qed jifraħ b’dak li qed jiġri, ma jifhimx l-uġigħ li hemm fil-familji ta’ dawk akkużati. Ma jifhimx il-ħsara li qed issir lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Min jifraħ b’din is-sitwazzjoni, mhux ġustizzja jkun qed ifittex imma vendetta. Vendetta u ġustizzja ma jgħixu qatt flimkien.”
Jien konvint li fil-pubblikazzjoni tal-inkjesta ma kien hemm ebda timing. Konvintissimu. U jekk kien hemm xi timing, li ma kienx hemm, dan sar biex jgħin lil-Labour, biex il-Laburisti ħaddiema jiġu aljenati u ma jistaqsux għala Joseph Muscat ma tħalliex joħroġ għal MEP. Jekk sar xi timing, li ma kienx hemm, sar biex iqanqlu lil-Laburisti li ma kinux se jivvutaw, biex jivvutaw. Araw x’qed jiġri. Araw min qed juża t-timing.
U għala r-riżultati ta’ din l-inkjesta għadhom ma sarux pubbliċi? Ma nagħmlux mod li hawn qiegħed it-timing hux?
Timing isir dejjem meta jintbagħtu ċ-ċekkijiet qabel l-elezzjoni. Iċ-ċekkijiet bżonjużi imma mhux għal kulħadd. Aħjar ċerti familji fil-bżonn jingħataw ċekkijiet ikbar u dawk b’paga aktar media bħal tiegħi ma ningħataw xejn. Iżda din mhux se tiġri għax inkella ma jkunux qed jistadu għall-voti ta’ kulħadd. BTW bi flusna. U BTW jaħsbu li n-nies ċwieċ. Mhumiex.
X’jiġifieri l-Prim Ministru jgħidilna li fit-8 ta’ Ġunju l-poplu se jiġġudika? Xi tfisser? Li l-poplu se jagħti l-verdett?
U x’jiġri jekk il-Labour jirbaħ dawn l-elezzjonijiet imma jkun tilef ħafna voti? Xi jkun il-verdett? Li kważi ħatja? Li kważi liberati?
Nimmaġina li s-sentenza tingħata quddiem l-eluf ta’ partitarji jiċċelebraw ir-rebħa quddiem il-Kwartieri Ġenerali.
Il-ġurija, b’maġġoranza kbira, issib lill-akkużati mhux ħatja tal-akkużi kontrihom, Liberati.
Din traġedja.
Bi 78 kaxxa ta’ provi, kieku l-inkjesta saret f’60 ġurnata, il-maġistrat kien ikollha tiġbor aktar minn kaxxa provi kuljum? U jekk l-establishment donnu qed jitkaża li damet wisq – għala l-istess establishment qed itawwal iktar u għadu ma ppubblikax l-inkjesta? Ma nagħmlux mod li hemm xi timing dwar il-pubblikazzjoni hux?
Min hu l-establishment?
Vittmi tal-establishment, il-maġġoranza tal-Laburisti li jgħixu bħala Laburisti u li qatt ma ħadu xejn anzi taw sigħat mill-ħin tagħhom għax għadhom jemmnu fil-kawża ta’ wlied il-ħaddiema.
L-establishment huwa l-poter li jikkontrolla kollox, inkluż lix-Xandir tal-istat tant li l-iskeda ta’ TVM issir f’Kastilja.
L-establishment huwa dak li ħalla 14-il priġunier jitgħallqu fiċ-ċella u baqa’ jiddefendi lil din it-tmexxija faxxista b’mod oxxen.
It-terroriżmu politiku seħħ meta lil Loujin, tifla ta’ 4 snin, l-establishment ħallieha tmut bil-għatx fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija. Terroriżmu Politiku jseħħ meta l-establishment jibgħat lura immigranti nisa lejn il-Libja li jiġu stuprati kuljum. Għax għall-establishment id-drittijiet tan-nisa li tant jiftaħar bihom ma jgħoddux għal nisa fuq dgħajsa bejn sema u ilma. Għax suwed.