Il-Partit Laburista nieda l-manifest elettorali tiegħu għall-elezzjonijiet Ewropej.
Mniedi waqt attivita politika fis-Siġġiewi, l-manifest għandu fih 10 prinċipji li se “jiggwidaw” ix-xogħol tal-Partit Laburista fi Brussell.
Fil-każ ta’ gwerra u kunflitti, il-manifest jgħid li l-MPE Laburisti se jaħdmu biex jassiguraw li l-Ewropa tkun il-promotur tal-paċi.
Fuq l-immigrazzjoni, il-PL jgħid li se jibgħat lura immigranti illi m’għandhomx dritt joqgħodu fl-Unjoni Ewropea, billi jsaħħu mekkaniżmi diplomatiċi u legali.
'L-interess nazzjonali jiġi l-ewwel u qabel kollox'
Jindirrizza l-pubbliku, il-Mexxej tal-Partit Laburista u Prim Ministru Robert Abela, semma l-għaxar prinċipji ewlenin tal-manifest, li huma: il-paċi, il-kompetittività, it-tibdil fil-klima, l-immigrazzjoni, l-konnettività, Għawdex, il-Fondi Ewropej, l-agrikoltura u s-sajd, u l-Unjoni Ewropea ta’ għada.
Abela qal li kemm jekk ikunu fil-Kunsill Ewropew jew fil-Parlament Ewropew l-interess nazzjonali jiġi l-ewwel u qabel kollox.
Qal li b’dan il-prinċipju l-Gvern irnexxielu jinnegozja allokazzjoni rekord ta’ fondi Ewropej, iżjed mid-doppju ta’ dak li kisbet amministrazzjoni nazzjonalista, meta l-pajjiż kellu tkabbir ekonomiku bla preċedent, sabiex jiġu investiti f’proġetti ambjentali, proġetti mediċi, proġetti infrastrutturali, fost oħrajn.
Abela qal li l-pajjiż għandu realtajiet differenti minn ta’ pajjiżi oħra u jeħtieġ li jkollu ewroparlamentari li verament jagħtu prijorità lil dan.
Saħaq li biex tmexxi pajjiż, trid tkun tħobbu, għaldaqstant tenna li l-għażla tat-8 ta’ Ġunju hija ċara sabiex verament “inpoġġu l-interessi ta’ pajjiżna l-ewwel dejjem u qabel kollox.”
Meta kien qed jitkellem fuq il-paċi, Abela saħaq li Malta dejjem kienet konsistenti fil-messaġġ tagħha favur il-paċi. Kompla li n-newtralità se jibqa’ jiddefendiha sabiex tkun salvagwardjata l-kostituzzjoni tagħna, madanakollu se jkompli jwassal il-messaġġ fuq il-bżonn ta’ waqfien mill-ġlied u soluzzjonijiet permezz ta’ taħditiet.
Abela qal li ma jistax jitkellem fuq il-paċi u fl-istess waqt jitkellem fuq l-armamenti, il-missili u l-munizzjon.
“Ħaddieħor idejh imċappsa bid-demm. Aħna se nibqgħu nkunu vuċi b’saħħitha favur il-paċi, kontra l-armamenti, favur id-diplomazija,” qal Abela.
Tkellem ukoll fuq l-kompetittività ta’ pajjiżna fejn qal li Malta illum għandha l-aqwa tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea, l-inqas rata ta’ qgħad, karrieri ta’ kwalità.
Dwar l-użu tal-fondi Ewropej, Abela semma kif dawn qed jtejbu ħajjet il-familji Maltin.
Semma l-bdiewa u s-sajjieda fejn qed jgħinhom biex jinvestu f’apparat, inġenji u makkinarju.
Qal ukoll li mill-allokazzjoni rekord ta’ fondi Ewropej, hemm parti sostanzjali li se jmorru għal Għawdex sabiex tkompli tiġi implimentata l-istrateġija Għawdex Gżira ta’ Villaġġi.
Tkellem ukoll dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea fejn qal li din hija għaqda ħajja ta’ stati membri li tevolvi, tadatta u tinbidel skont ix-xenarju li jkun hemm quddiema u l-eżiġenzi tal-mument.
Rigward it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, tenna li hemm diskussjonijiet importanti li jridu isiru qabel, fosthom dwar kif is-sħubija ta’ pajjiżi ġodda ser timpatta l-baġit tal-Unjoni Ewropea, dwar is-salvagwardji fit-trattat, dwar il-qagħda ta’ Malta hijiex ħa tkun aħjar jew għar.
Saħaq li r-rappreżentanti tal-Partit Laburista fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea se jaraw li dawn jiġu indirizzati fl-interess ta’ pajjiżna.