Joseph Muscat jitlob lill-Qorti biex l-Inkjesta Vitals ssir pubblika

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat, bħalissa akkużat bi frodi, ħasil ta’ flus u korruzzjoni, qed jitlob biex l-Inkjesta Vitals tiġi ppubblikata kollha

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat jindirizza folla fi Pjazza Tritoni ftit tax-xhur ilu. (Ritratti: James Bianchi)
L-eks Prim Ministru Joseph Muscat jindirizza folla fi Pjazza Tritoni ftit tax-xhur ilu. (Ritratti: James Bianchi)

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat, bħalissa akkużat bi frodi, ħasil ta’ flus u korruzzjoni, qed jitlob biex l-Inkjesta Vitals tiġi ppubblikata kollha.

Jitkellem fuq Facebook, Muscat fakkar li huwa diġà ra l-partijiet tal-inkjesta maġisterjali kontrih, skont kif kien mitlub mill-avukati tiegħu permezz ta’ talba Kostituzzjonali.

Ftit jiem wara, huwa qal fuq programm tar-radju, illi jinsab aktar minn konvint li l-każ hu mibni fuq konġetturi, gideb, tiġbid tal-fatti u detto del detto.

AQRA WKOLL: Muscat jgħid li qed jiġi akkużat abbażi ta' għajdut

“Hija x-xewqa tiegħi li dan il-kontenut nippubblikah. Madankollu, jekk naqbad u nagħmel dan inkun qed nikser il-liġi u niddisprezza l-Qorti,” huwa qal fuq il-profil tiegħu.

Permezz tal-avukati tiegħu huwa issa talab biex dawn il-partijiet tal-inkjesta jsiru parti mill-proċess tal-kawża quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. “B'hekk ikunu qed isiru pubbliċi u kulħadd, inkluż ġurnalisti, ikunu jistgħu jkollhom kopja,” żied jgħid Muscat.

“Dan huwa l-uniku pass li nista' nieħu biex legalment nippubblika din il-parti tal-inkjesta u jien kommess li nimxi mal-liġi. Konvint li jekk dan iseħħ, se jintwera li dan huwa biss kastell tar-ramel li se jitkaxkar mhux biss minn mewġa iżda saħansitra minn tsunami.”

More in Politika