Il-Malta Union of Teachers (MUT) ċaħdet pubblikament kliem il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima dwar żidiet fil-pagi tal-għalliema.
Nhar is-Sibt, l-MUT kienet qed tirreaġixxi għal artiklu ta’ ONE News, fejn Grima ħeġġeġ lill-unjin biex tinforma lill-membri tagħha bil-proposti finanzjarji tal-gvern, hekk kif stqarr li l-pakkett finanzjarju ġdid jinkludi salarju inizjali ta’ €36,000 għall-għalliema, li jirrappreżenta żieda ta’ €10,000.
“L-affermazzjonijiet tal-Ministru ta’ €10,000 żieda u salarju inizjali ta’ €36,000 għal għalliema ġodda mhumiex riflessi fil-proposti finanzjarji tal-gvern lill-MUT,” qalet il-union.
Aqra wkoll: Miljuni mwiegħda fil-ftehim bejn il-Gvern u l-MUT
L-MUT ppubblikat siltiet mill-aħħar proposta tal-gvern fuq il-websajt tagħhom, li ma juru l-ebda evidenza ta’ dawn iż-żidiet.
Enfasizzat ir-rieda tagħha li tkompli tiġġieled għar-rikonoxximent u t-trattament ġust tal-edukaturi.
Nhar il-Ġimgħa, l-MUT ħarġet ultimatum lill-gvern dwar il-ftehim settorjali li għad irid jintlaħaq qbil dwaru, hekk kif l-unjin iddikjarat ukoll tilwima kummerċjali mal-gvern.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni wieġeb għat-talbiet tal-MUT
Meta qal li “din hija żieda waħda biss għal kategorija waħda ta’ edukaturi.”
Huwa nnota li l-proposti jinkludu aktar żidiet li ma jeħtieġux xogħol jew kwalifiki addizzjonali.
Grima tenna l-appell tiegħu biex l-MUT tinforma bis-sħiħ lill-membri tagħha, u żied li l-union m’hi qed tagħmel l-ebda referenza għall-aħħar żewġ laqgħat bejn il-gvern u l-union.
Grima hedded li jippubblika l-ftehim kollu propost jekk l-MUT "tkompli taqsam informazzjoni selettiva li tpinġi stampa falza."