Elezzjoni mtappna minn narrattivi jaħarqu
Dik li kellha tkun elezzjoni kalma għal għażla ta’ sitt MEPs Maltin ġiet imtappna minn narrativa taħraq li iktar kemm tmur qed tbiegħed lin-nies mill-politika jew issaħħan il-partitarji kontra xulxin
minn Marianna Calleja
Mal-ħoss tal-beraq, sinjal tat-tempesta li kulħadd kien jaf li l-Inkjesta Vitals se ġġib magħha, il-partiti l-kbar mal-ewwel qabżu fuq karru ta’ narrattiva differenti.
Wieħed jiddefendi ruħu, billi jsejjaħ is-sitwazzjoni “terroriżmu politiku” minn “establishment” li jrid ixekkel il-votanti Laburisti milli jivvutaw. Ħaddieħor jargumenta li l-establishment mhu xejn għajr “babaw”.
Imma qarrejja tal-ILLUM dlonk ippuntaw li dawn in-narrtativi jafu jkunu perikolużi. Anzjana saħansitra ċemplet lil din il-gazzeta tirrakkonta kif dan kollu qed ifakkarha fi żmien ikrah li għexet ma’ familtha żmien ilu.
Imma l-istorja qed tirrepeti ruħha? Il-protagonisti ta’ din in-narrattiva x’jaħsbu?
David Agius, Viċi President tal-Kamra tad-Deputati u kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet Ewropej
X’jidhirlek min-narrattiva li ż-żewġ partiti ħadu wara l-inkjesta Vitals? Meta tikkunsidra l-politika ħarxa kawża tat-tribaliżmu li l-pajjiż donnu għadu jħaddan, ma taħsibx li huma narrattivi perikolużi?
L-aktar ħaġa faċli li nistgħu nagħmlu hija li ma niffukaw fuq ebda narrattiva iżda naraw il-fatti. Kulħadd għandu l-opinjoni tiegħu iżda li:
a) Qorti ddikjarat il-konċessjoni ta’ tliet sptarijiet, għal valur ta' kważi 400m miljun, bħala frawdolenti.
b) B’rabta ma’ dan, inkjesta maġisterjali sabet biżżejjed provi biex jitressqu akkużi kriminali kontra esponenti ewlenin fil-Gvern Laburista.
ċ) Bi ftit eċċezzjonijiet, dawn l-esponenti għadhom iżommu posthom.
Dawn huma fatti. Mhumiex opinjonijiet. Ejja ma nagħmlux l-iżball li anke l-fatti nibluduhom f’opinjoni.
Kif inhuma fatti wkoll l-attakki tal-Prim Ministru fuq il-ġudikatura, il-media indipendenti, stakeholders u kull min ma jaqbilx miegħu. L-appell tiegħi hu wieħed sempliċi. Ara x’inhuma l-fatti u ddeċiedi.
Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jippreżenta l-fatti lill-poplu Malti u Għawdxi.
Aħna rridu wkoll li pajjiżna jibża’ għall-istituzzjonijiet tiegħu, kif ukoll għar-reputazzjoni tiegħu – għalhekk qed nappellaw biex il-Prim Ministru jieqaf bl-attakki tiegħu kontra l-qrati, kontra l-ġudikatura, kontra kollox u kulħadd.
Wara kollox, dan mhux qed ngħiduh aħna biss. Qed jgħiduh l-avukati, qed jgħiduh l-accountants, qed jgħiduh l-istudenti, qed jgħiduh tal-Kamra tal-Kummerċ, qed jgħiduh l-employers u tant aktar organizzazzjonijiet li fejn rari jikkummentaw b’mod politiku, ħassew li kellhom jieħdu stand quddiem din it-theddida.
Il-Partit Nazzjonalista, kontra ta’ dak li qed talludi inti, qed isejjaħ għall-għaqda nazzjonali quddiem din it-theddida għad-demokrazija u għall-futur ta’ pajjiżna. Biex pajjiżna jimxi ’l quddiem, irridu nsaħħu l-istituzzjonijiet tagħna, mhux nattakkawhom u nżebilħuhom.
Hekk biss nistgħu naħdmu għal pajjiż b’saħħtu u verament nagħtu saħħa lill-Maltin u l-Għawdxin.
Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali u kandidat tal-ADPD għall-elezzjonijiet Ewropej
X’jidhirlek min-narrativa li ż-żewġ partiti ħadu wara l-inkjesta Vitals?
Ir-retorika magħżula tfakkarni fin-narrattiva użata minn mexxejja awtoritarji, minn Orban sa Trump, narrattiva li toħloq għadu, tkeskes u ssaħħan, biex tiżvija l-attenzjoni minn fuq in-nuqqasijiet tagħhom stess. Fil-klima tribali u nuqqas kbir ta’ għarfien politiku, jiġifieri dwar ideali u l-valuri politiċi, żgur li dan it-tip ta’ diskors għandu effett fuq ċertu tip ta’ nies. Nissuspetta li lanqas biss jafu xi jfisser ċertu kliem, imma l-aqwa s-sens ta’ ‘għaqda’ kontra ‘l-oħrajn’. Min-naħa l-oħra fuq parti dejjem akbar ta’ nies, din it-tip ta’ retorika qed tiġi injorata u meqjusa bħala teatrini vojta. F’pajjiż bħal tagħna huwa mistenni li ‘l-oħrajn’ jeħilbu kemm jistgħu s-sitwazzjoni. Il-ħasra li l-istituzzjonijiet tal-istat jispiċċaw jiżfnu fin-nofs. Imma anke hawn, ftit huma dawk li għandhom is-sens ta’ xi jfisser l-istat – xi ħaġa differenti mill-gvern u l-partiti.
Meta tikkunsidra l-politika ħarxa kawża tat-tribaliżmu li l-pajjiż donnu għadu jħaddan, ma taħsibx li huma narrattivi perikolużi?
In-narrattiva, kemm minn esponenti jew eks ministri Nazzjonalisti u anke minn Muscat u esponenti Laburisti, tixhed li jafu li qed jilagħbu għall-gallarija – għal nies li għalihom it-tribù huwa l-aktar importanti, irrespettivament mis-suġġett. Li hu żgur ukoll li l-kult tal-personalità għadu b’saħħtu ma’ ċerti sezzjoni ta’ nies. Jiġifieri, jista’ jkun li jkun hawn min tisħonlu rasu żżejjed. Imma ma naħsibx li jkun hawn xi vjolenza mifruxa għax il-maġġoranza kbira tan-nies għandhom rashom fuq għonqhom. Li hemm bżonn huwa li aktar u aktar nies juru li xebgħu mit-teatrini, li jridu s-serjetà u jiivvotaw għall-pluraliżmu politiku b’vot fuq l-Aħdar.
Clint Azzopardi Flores, Kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet Ewropej
X’jidhirlek min-narrativa li ż-żewġ partiti ħadu wara l-inkjesta Vitals?
Jien naħseb, fuq l-Inkjesta Vitals, anke peress li n-nies se jivvotaw fuq l-affarijiet tal-Unjoni Ewropea, għandhom jaraw il-kuntest kollu. Fis-sens, jiena nistenna li mill-Partit Nazzjonalista jkun hemm ftit proposti. Xi ħaġa li kull partit ikollu, u jien għadni ma rajt xejn. Imma l-PN huwa maqbud, minn forzi esterni, biex ma jkunx jista’ anke jikkampanja l-affarijiet kif jixtieq jikkampanjahom hu.
Jien qed nidħol fi djar tan-nies, u jgħiduli, vera hemm din l-inkjesta imma aħna rridu naraw l-inkwadratura kollha tagħha anke fid-dawl tal-kontroversji, fosthom it-timing li fih ħarġet.
Jien naħseb li l-Prim Ministru għandu r-responsabbiltà li jgħid l-affarijiet kif inhuma, bħalma huwa stat ta’ fatt li t-timing huwa dak li huwa, u ma tantx jawgura l-fiduċja tal-istituzzjonijiet kollha. Jien kieku l-ewwel kont nisma’ x-xhieda ta’ kulħadd, ħalli noħroġ il-konklużjoni lejliet l-elezzjoni, imma kont ineħħi d-dubji kollha, għax tispiċċa kulħadd jiddubita fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż.
Dan filwaqt li qed jgħajtu għar-riżenja tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, istituzzjoni indipendenti, u qed jgħidu lil Prim Ministru biex jisforzaha. Qed jikkontradixxu ruħhom, għax dan il-Prim Ministru ma jistax jindaħal, fuq x’jagħmel il-Gvernatur.
Bl-istess argument, Christine Lagarde ma kellhiex issir il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew minħabba l-affarijiet li nstabu dwarha u l-IMF. L-indħil politiku m’għandu jkun qatt. David Casa ma kellu qatt jikteb lil ECB, mela l-European Central Bank issa ħa nġibuh ballun politiku wkoll?
Meta tikkunsidra l-politika ħarxa kawża tat-tribaliżmu li l-pajjiż donnu għadu jħaddan, ma taħsibx li huma narrattivi perikolużi?
Jiena ma naħsibx li għandha twassal għal vjolenza u aggressjoni. Din l-elezzjoni qed naraha kopja tal-2017, anzi hija waħda pjuttost differenti f’sens li l-Oppożizzjoni qed tipprova ttella’ t-temperatura.
Jiena naħseb li n-nies huma maturi biżżejjed u ma jridux ġlied. In-nies jgħidulek, aħna rridu kalma u progress ekonomiku. L-Oppożizzjoni m’għandhiex tibqa’ hemmekk tuża strumeti legali biex gvern lokali ma joperax.
Jien naħseb il-poplu hu intelliġenti biżżejjed, b’elezzjonijiet fl-aħħar snin jintilfu b’maġġoranzi kbar, u ma naħsibx li l-PN jista jibqa’ għaddej bin-narrattiva ta’ nkisser lil dak, inkisser lill-ieħor.
Qed inkellem nies li kienu votanti tal-PN, u issa jgħidulek, lanqas jekk naf x’naf mhu se nerġa’ nivvota lilhom. In-nies qed jiddejqu b’dawn l-affarijiet.
Il-Partit Laburista mhu jasal qatt hemm, anke l-Prim Ministru qed jitlob lin-nies jibqgħu kalmi.
Louise Anne Pulis, Kandidata tal-PN għall-elezzjonijiet Ewropej
X’jidhirlek min-narrativa li ż-żewġ partiti ħadu wara l-inkjesta Vitals?
L-ewwelnett, din tal-Vitals mhijiex kwistjoni ta' narrattiva da parti tal-PN, imma konstatazzjoni ta' fatti.
Ma ninsewx illi qabel giet magħluqa l-inkjesta, kien hemm tliet rapporti ta' kundanna mill-Awditur Generali, sentenza tal-Prim' Awla u sentenza tal-Qorti tal-Appell illi jgħidu ċar u tond li kien hemm kolluzzjoni bejn l-ogħla uffiċjali tal-Gvern u dawk barranin biex ikun hemm serq u frodi ta' flus il-poplu, u li dawn l-uffiċjali minflok ma ħarsu l-interess tal-Maltin, ħarsu l-interessi tal-barranin.
Il-membri tal-gvern kienu jafu li l-inkjesta qorbot biex tagħlaq. Kienu jafu li espert wara l-ieħor kienu qed jippreżentaw ir-rapporti tagħhom fl-atti tal-inkjesta, għaliex il-ħlas tagħhom ma jsirx b'ċekk tal-Qorti imma jitħallas mill-kaxxa ta' Malta.
Tant kienu jafu, li emendaw il-Liġi tal-Iffriżar tal-Assi malajr malajr. Kienu jafu ukoll li malli jippreżentaw ir-rapporti, il-Maġistrat Inkwirenti kellha d-dover li tagħlaq l-inkjesta, u malli tlesti tgħaddieha lill-AG fi żmien relattivament qasir skont il-liġi.
Ovvjament, peress li kienu jafu li l-aktar faxxa ta' astensjonijiet kienet ġejja mill-kamp Laburista użawha biex jimmobbilizzaw lin-nies li kienu ser jastjenu.
Jekk għandna ninkwetaw dwar timelines, ma kellniex għalfejn ninkwetaw fuq l-għeluq tal-inkjesta, għax l-istituzzjonijiet għandhom jitħallew jaħdmu b'serenità.
Jiena l-akbar inkwiet tiegħi huma d-dikjarazzjonijiet ta' falliment ta' Accutor u ta' Steward Health Care.
Din tal-establishment hija kummiedja għaliex jekk tfittex fuq google jew dizzjunarju ssib li establishment tfisser tmexxija u l-Partit Laburista ilu fil-gvern ħdax-il sena.
Madanakollu, ħoloq babaw li kull ma jmur dejjem jikber - Il-Qrati, il-PN, il-Knisja, l-istudenti, l-akkademiċi, il-ġurnalisti. Kull min jitkellem favur is-sewwa jaqlagħha. Pero jien ngħid wahda - il-mostri ma jeżistux, imma jinħolqu frott il-biża’. Aktar ma tkun kbira l-biża’ aktar jikber il-mostru.
Jidher bl-aktar mod ċar għalhekk il l-gvern huwa mwerwer u fi stat ta' paniku.
Gvern Laburista f' dawn l-aħħar ħdax-il sena dejjem irrifjuta li jindirizza l-iljunfant fil-kamra (il-korruzzjoni). Ir-riżultat issa huwa li minflok għandna iljunfant wieħed għandna merħla sħiħa ta' kull daqs u forma, li qed tissoffoka lil kulħadd tant kemm kibret.
Tikkunsidra l-poltika ħarxa mniebta mit-tribaliżmu li l-pajjiż donnu għadu jħaddan, ma taħsibx li huma narrativi perikolużi?
It-tribaliżmu huwa ħażin għaliex jappella għas-sentiment minflok għar-raġuni.
Għandna d-demokrazija u s-Saltna tad-Dritt taħt attakk u rridu niddefenduhom fl-aħjar interess ta' pajjiżna u tar-reputazzjoni internazzjonali tagħna.
Hawn xtaqt nagħmel referenza ghar-resoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew fil-konfront ta' Malta. Dawn bdew wara l-assassinju brutali ta' Daphne Caruana Galizia u l-iskandli ta' ħasil ta' flus. Anke s-soċjalisti Ewropej ivvotaw kontra Gvern Laburista għax skont Artiklu 2 tat-TEU kull pajjiż membru jrid ihaddan id-demokrazija, jipproteġi s-Saltna tad-Dritt u d-drittijiet fundamentali.
Jekk pajjiż ma jkunx konformi ma’ dawn il-kundizzjonijiet (Artiklu 7 TEU) ikun hemm miżuri preventivi, bħar-resoluzzjonijiet li kellna, pero’ jekk il-gvern jibqa' jsabbat saqajh, warajhom jiġu s-sanzjonijiet, li jinkludu tiżmim ta' fondi.
Għaliex qed ngħid li l-gvern jibqa' jsabbat saqajh? Jirrifjuta li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta' Daphne, jirrifjuta li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO, jirrifjuta li jdaħħal il-liġi tal-ġid mhux ġustifikat.
Dan kollu qed iġib riperkussjonijiet koroh fuqna ċ-ċittadini. Biżżejjed insemmi kif il-banek saru jittrattawna qisna kriminali meta mmorru niddepositaw jew niġbdu flejjes mill-kontijiet. Interrogazzjoni wara oħra.
Iċ-ċittadin qed ikollu riperkussjonijiet anke barra l-pajjiż bħal per ezempju li banek barranin jirrifjutaw ħlas bi flejjes kbar ġejjin minn Malta.
Forsi mhux kulħadd jirrealizza li l-korruzzjoni tattakka d-demokrazija fil-qalb, u toħloq ingustizzji speċjalment diskriminazzjoni. U dan huwa li qed nesperjenzaw bħalissa. Mijiet ta' miljuni li ġew misruqa minn ħalq il-poplu u servizz tas-saħħa li jinsab viċin kollass.
Il-konsegwenzi tal-korruzzjoni dejjem ibati għalihom il-poplu.
Hawn min, nies akbar fl-età, li jgħidulek qed jaraw l-istorja tirrepeti ruħha, bil-biża li narrattivi bħal dawn se jwasslu għal vjolenża, aggressjoni u dmiegħa. X’taħseb dwar dan?
Meta għandek Prim Ministru li qed jattakka l-ġudikatura b'mod agressiv u regolari, mhux biss għandek reat taħt Artiklu 93 tal-Kodici Kriminali imma wkoll attakk anti- demokratiku minn kap ta' pilastru tad-demokrazija kontra pilastru iehor.
Nazzarda ngħid li l-PM jew ma jafx xogħlu bħala PM, jew nesa’ kull ma tgħallem f'sitt snin kors tal-liġi jew agħar minn hekk, għazel li jiskarta dan kollu biex isalva ġild min seraq il-Maltin.
Is-sitwazzjoni giet tossika daqs kemm ġiet perikoluża, speġjalment meta għandek appell għal “mob rule” - għaliex meta tappella għas-sovranità tal-vot tal-poplu u tiskarta totalment il-parametri tal-liġi m'hi xejn ħlief mob rule.
Eżatt kif għamel Pilatu meta skarta l-ligi u mar quddiem in-nies biex huma jiddeċiedu jissagrifilawx lil Barabba jew lil Kristu. Hawn għandna PM li qed jgħid il-poplu biex bil-vot tagħhom jagħzlu bejn il-ġustizzja u min seraqhom.
Għandek sitwazzjoni oħra bla preċedent u perikoluża fejn akkużati ta' reati ta' tixhim, serq, misapproprijazzjoni u korruzzjoni, qed jagħmlu użu mill-mezzi tal-midja biex jattakkaw lill-ġudikatura u membri tagħha, jiskreditawha u jdawru n-nies kontrieha.
Tgħidli forsi qed nesseġera? Nghidlek assolutament li le speċjalment meta rajna ftit tal-jiem ilu f'vox pop, persuna mistoqsija temminx lill-PM jekk jgħidilha li ra żiemel itir, wiegbet fl-affermattiv!
Sitwazzjoni oħra bla preċedent, li kif għidt qabel, hija llegali, kriminali u anti-demokratika fejn qed tigi attakkata l-ġustizzja u membri tal-ġudikatura.
Maġistrati li qed jiġu, vilifikati, mhedda u intimidati, bir-ritratti tagħhom imċafalsa mal-mezzi tal-midja.
L-għan aħħari huwa li jbeżgħu - li jekk xi ġudikant ieħor li għadu għaddej b'inkjesta jazzarda jwettaq xogħlu bla biża' jew favur, ara x'inhu ġej għal wiċċu, li jekk xi ġudikant li quddiemu jridu jidhru l-akkużati jaqdi d-dover tiegħu bla ma jħares lejn wiċċ ħadd, ħa jattakkawh.
Il-famuż chilling effect, li m'għandux ikollu postu f'demokrazija b'saħħitha u li tiffunzjona kif suppost. L-appelli biex jinżlu n-nies fit-toroq meta jitressqu l-akkużati tkompli ssaħħah ic-chilling effect u ssaħħan l-irjus.
Mina Jack Tolu, Kandidat tal-ADPD għall-elezzjonijiet Ewropej
X’jidhirlek min-narrativa li ż-żewġ partiti ħadu wara l-inkjesta Vitals?
Il-ħolqa tan-narrativa dwar “establishment”, bl-għażla ta’ kelma waħdina bl-ingliż, ma tfisser xejn. Imma l-kelma, hi maħduma b’mod li d-die hards tal-Partit Laburista jkollhom għadu politiku identifikat.
Fil-komunikazzjoni n-narrativi ta’ aħna-huma jibqgħu l-aktar effetivi biex jattivaw il-bażi - il-core tal-votanti. Il-PN qed jaqa' fin-nassa - billi jirrepeti l-islogans tal-PL, qed jtuhom ħafna aktar saħħa.
Imma għalija, l-iktar ħaġa perikuluża hi li l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali qed jntużaw bħala forma ta’ mid-term u mhux bħala elezzjonijiet fejn għandna nagħżlu r-rappresentanti tagħna fil-Parlament Ewropew jew fuq livell Lokal. Fil-PE u fil-Kunsilli Lokali għandna ċ-ċans li nivvutaw għal alternattivi, bħal ADPD - li minn dejjem iġġielidna għal politika nadifa u trasparenti.
Tikkunsidra l-poltika ħarxa mniebta mit-tribaliżmu li l-pajjiż donnu għadu jħaddan, ma taħsibx li huma narrativi perikolużi?
Waqt li nagħraf il-biżgħat ta’ min għex u għadda minn perjodi ħarxa ta’ vjolenza politika - naħseb li t-tribaliżmu li qed nesperjenzaw bħalissa għandu effett differenti, eżempju li ż-żgħażagħ qed jitbiegħdu mill-politika.
Iż-żgħażagħ għejjew bil-ġlied u l-battibekki. Jixtiequ politika li toffri soluzzjonijiet u li tagħraf l-isfidi li qed nitfaċċjaw - bħal l-bidla tal-klima - u jixtiequ politika nadifa li se taħdem għall-futur tagħna.
Għalhekk huwa iktar importanti li l-alternattivi validi li jeżistu fil-pajjiż jingħataw l-ispazju biex jaqsmu l-ideat tagħhom. Dan l-ispazju mhux jinghatalna bizzejjed.