L-aħħar stħarriġ tal-MaltaToday li sar bejn bejn it-13 u l-21 ta’ Mejju f’nofs il-kampanja elettorali, ftit li xejn juri ċaqliq minn survey fl-ewwel ġimgħa tal-kampanja elettorali.
Waqt li t-turnout baqa’ ftit inqas minn 70%, il-Partit Laburista żied bi ftit il-vantaġġ tiegħu fuq il-PN, minn 7.7% għal 8.4% u minn 19,864 vot fil-bidu tax-xahar għal 21,539 vot.
L-aħħar survey ippubblikat qabel il-kampanja kien wera l-PL b’vantaġġ ta’ 17,100 vot. Dan ifisser li l-PL żied il-vantaġġ tiegħu b’4,439 minn meta bdiet il-kampanja elettorali.
L-istħarriġ jikkonferma li d-distakk bejn il-partiti, għalkemm sostanzjali, huwa ferm inqas minn dak li konna mdorrijin bih f’kull elezzjoni wara l-2013. Madankollu, għalkemm l-istħarriġ juri ftit ċaqliq bejn il-partiti, il-Partit Laburista qed jitlef iktar voti mill-PN għall-partiti ż-żgħar u għandu persentaġġ ogħla ta’ votanti li se jibqgħu d-dar.
Waqt li 19.1% tal-votanti Laburisti fl-2022 mhux se jivvutaw, l-ammont ta’ votanti Nazzjonalisti li mhux se jivvutaw jonqos għal 16.8%. Il-PL ukoll qed jitlef 3.5% tal-voti tiegħu għall-partiti ż-żgħar u 3.3% għall-PN, waqt li l-PN qed jitlef 1.3% għall-partiti ż-żgħar u 1.1% għall-PL.
Dan ifisser li waqt li l-PN qed iżomm 81% tal-voti li kellu fl-2022, il-PL qed iżomm biss 74%.
L-istħarriġ juri wkoll li għal darb’oħra Abela hu iktar fdat minn Grech, bid-differenza ta’ bejniethom tiżdied minn 11-il punt fil-bidu ta’ Mejju għal 15-il punt issa. Madankollu, il-maġġoranza relattiva (39%) m’għandha fiduċja fl-ebda minn dawn iż-żewġ mexxejja.