Silta f’eżami tal-Malti għal tfal fil-11-il sena, sfurzat lil Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli f’Baġar ta’ inkwiet. Iżda l-istess silta, ġiet meħudha minn artiklu/opinjoni mtella’ fuq is-sit ILLUM.
L-Erbgħa waranofsinhar, il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima ħabbar li se jitwaqqaf bord li se jkun qed jinvestiga dan il-każ.
Inizjalment kien l-eks MP Nassjonalista Jason Azzopardi li għarraf lill-pubbliku ‘bl-inċident.’
Fuq il-midja soċjali tiegħu huwa kiteb botta għal Ministeri inkwistjoni u qal li hi “tal-mistħija,” li t-tfal kellhom jaqraw ”il-propoganda ta’ Miriam Dalli.”
‘Riżultati pożittivi fl-immaniġġjar tal-iskart’ imtella’ mill-ILLUM f’Jannar
Is-silta inkwistjoni, ‘Riżultati pożittivi fl-immaniġġjar tal-iskart’, tidher li hi sommarju ta’ artiklu li l-Ministru Miriam Dalli kienet kitbet fuq din il-gazzetta f’Jannar li għadda.
Fl-artiklu oriġinali, ta’ iktar minn 600 kelma, Dalli tiddiskuti r-riżultati “pożittivi” fil-qasam tal-immaniġjar tal-iskart.
Tidħol ukoll f’dettall u xi statistika preżentati minn wasteserv inkluż kemm kien hemm skart mormi fil-borża s-sewda matul is-sena ta’ qabel u kemm kien hemm skart organiku ġenerat f’kull residenza.
Dalli titkellem ukoll dwar is-sistema tal-BCRS li dak iż-żmien kienet għadha qed issib saqajgħa.
Fil-fatt jekk wieħed jikkumpara, jista’ jagħraf li is-silta fl-eżami hija sommarju ta’ dan kollu, u fl-aħħar it-tfal ġew mistoqsija dwar il-punti preżentati mill-Ministru.
Min kien li ħa s-silta, ħa wkoll rekordju tad-data u l-ħin li fihom ittella’ l-artiklu.
Tajjeb li ngħidu li l-gazzetta ILLUM ma kinitx magħrufa li silta mis-sit se tintuża għall-eżami tal-Malti.
Ir-reazzjoni tal-Ministri
Ftit wara l-kummenti ta’ Azzopardi fuq il-midja soċjali, kemm il-Ministru Clifton Grima, u anke l-Ministru Mirian Dalli esprimew l-opinjoni tagħhom fuq is-suġġett.
Dalli qalet li ma kellha “assolutament xejn x’taqsam” mal-mistoqsija tal-eżami.
“Test b’ismi bħala ministru fuqu qatt ma kellu jiġi inkluż f’karta tal-eżami. Għandi t-tfal u nifhem li l-isem ta’ politiku f’karta tal-eżami jdejjaq lil kulħadd,” kitbet.
Min-naħa l-oħra, il-Ministru Grima, qal fi stqarrija li se jkun qed iwaqqaf bord biex “jistabbilixxi l-fatti, jasal għall-konklużjonijiet tiegħu u jagħmel rakkomandazzjonijiet biex titjieb is-sistema attwali”.
Żiedet li l-ebda ministeru ma għandu aċċess għall-karti tal-eżami jew il-kontenut tagħhom.
"Hemm strutturi u proċeduri awtonomi li ilhom fis-seħħ għal snin biex jiżguraw li dawn il-proċessi jitħaddmu minn nies tekniċi fi gradi differenti tas-settur edukattiv, mingħajr ebda interferenza politika jew amministrattiva," qal il-ministeru.