Xhur wara, jintlaħaq ftehim u l-MUT jerġa’ jibdielha
F’Novembru tal-2023, il-Union Maltija tal-Għalliema tagħmel strajk ta’ ġurnata. Xhur wara terġa’ tiddikjara tilwima kummerċjali mal-Gvern. Ftit jiem wara jiltlaħaq ftehim, imma l-MUT jerġa’ jibdielha. L-ILLUM tagħti ħarsa lejn il-ġrajjiet kif seħħew
minn Marianna Calleja
Għadda kważi xahar mid-deċiżjoni tal-Union Maltija tal-Għalliema (MUT) li jirreġistra tilwima kummerċjali mal-Gvern dwar in-negozjati tal-Ftehim Settorjali. Dan filwaqt li ħabbar ultimatum lill-Gvern.
Imma f’dawn it-22 ġurnata seħħew bosta andamenti, tant li rajna ultimatum mill-MUT lill-Gvern, u anke saħansitra lill-Ministeru tal-Edukazzjoni jkellem lill-għalliema minn jeddu, u ħafna aktar.
Dan li ġej huwa silta ta’ dak li seħħ fl-aħħar ftit ġimgħat.
17 ta’ Mejju 2024
L-MUT tieħu d-deċiżjoni li tirreġistra tilwima kummerċjali mal-Gvern u tħabbar ultimatum. L-MUT tgħid li esperjenzat rigressjoni ta’ negozjati fil-ġimgħa li għaddiet u dan wassal għad-dikjarazzjoni ta’ sfiduċja fil-fergħat tan-negozjati tal-Gvern li hija t-Taqsima tar-Relazzjonijiet Industrijali (IRU).
L-MUT tgħid li għandha jdejha marbuta, u għalhekk tagħti lill-Gvern ġimgħa biex ifittex riżoluzzjoni għas-sitwazzjoni preżenti.
L-MUT tgħid li l-membri tagħha huma ddiżapuntati li l-Gvern għamel ftehim dwar gradi tekniċi fl-iskejjel “minn wara daharhom.”
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni ma ħalliex il-ġurnata tgħaddi, u ħeġġeġ mal-ewwel l-MUT biex fil-laqgħat mal-edukaturi tinforma lill-membri b’dak li ġie propost min-naħa tal-Gvern, inkluż il-proposti finanzjarji.
Il-Ministeru qal ukoll li lest jitkellem mal-MUT, u estenda stedina biex issir laqgħa oħra bejniethom.
20 ta’ Mejju 2024
Tlett ijiem wara, l-MUT toħroġ stqarrija taħraq, takkuża lill-Gvern li tella’ ħajt għoli f’nofs in-negozjati.
Din l-istqarrija ġiet wara li l-Gvern introduċa dokument komprensiv li kien qed jiġi diskuss bejnu u bejn l-MUT.
F’komunikazzjoni mal-edukaturi membri tagħha, l-MUT tgħid li mill-ewwel irrifjutawh “għax kien rigressjoni ta’ dak li konna qed ninnegozjaw u kien se jistaġna n-negozjati.
L-MUT timxi bit-tilwima industrijali u thedded li teskala s-sitwazzjoni bl-introduzzjoni ta’ diversi direttivi inkluż strajk tal-għalliema f’nofs il-perjodu tal-eżamijiet.
Il-Gvern hawn jgħid li se jippubblika l-proposti tal-ftehim, bl-MUT tgħid li dan hu “theddid.”
L-MUT tavża lill-membri tagħha li l-ftehim għadu fi stadju bikri, u dak li jista’ jippubblika l-Gvern “ma jirriflettix dak li l-MUT qed taspira għall-edukaturi.”
Fl-istess ġurnata, il-Partit Nazzjonalista joħroġ għonqu għall-għalliema, u jgħid li “l-Gvern qiegħed jilgħab bil-kliem u mhux jagħti l-fatti kollha.”
Il-kelliema tal-PN Justin Schembri u Ivan Castillo jakkużaw lill-Gvern li qiegħed jonqos milli jippreżenta lill-edukaturi kollha dak li ilu jwiegħed, u li l-pakkett finanzjarju ma jsostnix il-wegħda elettorali ta’ “żieda sostanzjali”.
24 ta’ Mejju 2024
Il-Gvern u l-union tal-għalliema jilħqu jaqblu fuq ftehim kollettiv għall-edukaturi. Il-Ministru jgħid li l-MUT se tinforma lill-membri tagħha u tressaq il-ftehim għall-approvazzjoni.
In-negozjati, li kienu ilhom għaddejjin xhur, waslu biex ftehim jiġi approvat b’mod anonimu mill-Kunsill tal-MUT qabel jittieħed għall-approvazzjoni tal-membri. Il-membri ġew avżati li laqgħa fiżika dwar il-ftehim se ssir fit-30 ta’ Mejju fl-4pm.
F’post fuq il-pjattaforma X, Robert Abela laqa’ l-konklużjonijiet tal-ftehim kollettiv f’negozjati mal-MUT, filwaqt li faħħar lill-Ministeru u l-Ministru Clifton Grima tax-xogħol u d-dedikazzjoni.
Il-Kelliem tal-PN għall-Edukazzjoni Justin Schembri qasam immaġni bit-titlu: “X’ironija. L-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni titkellem dwar il-benessri tal-istudenti u tal-edukaturi. Se nieqaf hawn għalissa.”
31 ta’ Mejju 2024
Waqt laqgħa taħraq, l-MUT tipposponi l-proċess tal-vot tal-ftehim settorali. Tgħid li ma kinitx sodisfatta bir-risposta bil-miktub imsejħa finali mingħand il-Gvern u li ma kinitx se tindirizza l-ilmenti ta’ sezzjonijiet ta’ edukaturi li semmew waqt il-laqgħa ta’ ġurnata qabel.
L-MUT tgħid ukoll li kunfidenti li dan il-posponiment se jwassal sabiex fiż-żmien li ġej isiru l-laqgħat kollha neċessarji mal-Gvern u mal-membri li jwasslu biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet pendenti u jkun jista’ jinbeda mill-ġdid il-proċess tal-votazzjoni.
Intant, il-Ministeru għall-Edukazzjoni tisħaq li l-edukaturi għandhom jingħataw stampa ċara ta’ dak offrut.
Fi stqarrija, il-Ministeru appella biex il-partijiet involuti jiddiskutu l-proposti tal-Gvern.
Il-Ministeru jgħid li qatt m’għandu jiġi ppreġudikat ir-rispett lejn l-edukaturi, it-tfal u s-sostenibbiltà, u li għadu jemmen li l-pakkett finanzjarju li qed joffri huwa aħjar minn qatt qabel.
1 ta’ Ġunju 2024
L-MUT u l-Gvern jerġgħu jiltaqgħu fuq il-mejda tan-negozjar. Fuq l-istazzjon tar-radju tal-Knisja, il-President tal-MUT Marco Bonnici jispjega li waqt laqgħa mal-membri, l-għalliema qajmu numru ta’ punti li ħassew li kienu nieqsa mill-ftehim.
Mingħajr ma jispeċifika t-tliet punti mqajma, Bonnici jgħid li l-union ħasset il-bżonn għal aktar diskussjoni mal-Gvern.
Dan kollu wassal biex jiġi pospost il-proċess tal-vot dwar il-ftehim tal-edukaturi.
5 ta’ Ġunju 2024
L-edukaturi u l-għalliema fl-iskejjel tal-istat iqumu b’ittra personalizzata mill-Gvern, b’dettalji dwar kif il-pakkett il-ġdid se jolqothom jekk il-ftehim settorjali jiġi approvat.
L-ittri ġew iffirmati mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u s-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
L-ittri jagħtu analiżi tal-pakkett finanzjarju tal-edukaturi skont l-iskali u gradi differenti li qegħdin fihom kull għalliem.
7 ta’ Ġunju 2024
L-MUT titlob lill-membri tagħha sabiex japprovaw mozzjoni għall-estensjoni tal-mandat tal-kunsill.
Il-Kunsill ifakkar li bħalissa l-union qed tinnegozja mal-Gvern l-iffirmar tal-ftehim kollettiv ġdid għall-edukaturi wara li l-vot ġie pospost.
F’ittra mibgħuta lill-membri, l-MUT tgħid li tinsab “f’ċirkostanzi straordinarji” fid-dawl tan-negozjati mal-Gvern u t-tilwim industrijali li għadu fis-seħħ. Tgħid li se tagħmel konferenza ġenerali straordinarja fl-14 ta’ Ġunju, fejn il-membri tal-union ikunu jistgħu jivvotaw fuq il-mozzjoni li tara l-mandat estiż b’sitt xhur u minflok jintemm fl-1 ta’ Lulju, jintemm fl-aħħar ta’ Diċembru.