Titlesta aktar minn 70% tal-proġett fiż-żona Tal-Barrani
Fl-aħħar jiem tlestew xogħlijiet tal-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Tarxien, li ser tkun tinkludi korsija ddedikata għar-roti
More in Politika
Fl-aħħar jiem tlestew xogħlijiet tal-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Tarxien, li ser tkun tinkludi korsija ddedikata għar-roti
Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, permezz tal-aġenzija Infrastructure Malta, issokta bil-proġett għar-riorganizzazzjoni tal-infrastruttura madwar ħames junctions bil-għan li ttejjeb l-andament tat-traffiku fiż-żona Tal-Barrani, f’Ħal Tarxien u Bulebel.
Fi żjara fuq il-lant tax-xogħol, Inġiniera minn Infrastructure Malta spjegaw li l-ħidma issa ser tkun iffukata fi Triq San Anard/Triq il-Gudja, b’din it-triq ser tinbena mill-ġdid, bil-proġett mistenni jara żieda ta’ nofs tomna (500sqm) ta’ landscaping tul il-proġett. Għal dan il-għan, se jkun qed jitħabbar pjan ġdid temporanju għat-traffiku li ser jidħol fis-seħħ mit-3 ta’ Settembru sal-bidu tas-sena skolastika.
Għaldaqstant, vetturi misjuqa fid-direzzjoni minn Ħaż-Żabbar/Fgura lejn Ħal Tarxien/Marsa jridu jgħaddu minn Triq Ħal Tarxien, jibqgħu għaddejjin minn Triq tal-Ħotba u jduru fuq il-lemin tagħhom. Vetturi misjuqa minn Ħaż-Żabbar/Fgura lejn iż-Żejtun/Birżebbuġa, iridu jgħaddu minn Triq tal-Ħotba u jduru fuq ix-xellug. Vetturi misjuqa minn Ħal Tarxien/il-Marsa lejn il-Fgura/Ħaż-Żabbar ser jibqgħu jgħaddu minn Triq San Anard/Triq il-Gudja.
Fl-aħħar jiem tlestew xogħlijiet tal-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Tarxien, li ser tkun tinkludi korsija ddedikata għar-roti. Xogħlijiet oħra li saru jinkludu sistema ġdida ta’ drenaġġ li testendi bejn Triq tal-Ħotba lejn Triq San Anard; tqegħid ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni u bini mill-ġdid ta’ bankina bejn Triq tal-Ħotba u Triq San Anard. Sar ukoll tqegħid ta’ servizzi u bini ta’ bankina fi Triq Ħal Tarxien; il-bini mill-ġdid ta’ Triq tal-Ħotba, inkluż tqegħid ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni, servizzi tal-ilma u distribuzzjoni ġdida tal-elettriku. Hawnhekk saret ukoll bankina ġdida u planters ġodda tul it-triq kollha.
Fis-service road f’Tal-Barrani (viċin id-dar tal-anzjani), sar ukoll xogħol ta’ skavar u ffurmar ta’ pedament kif ukoll tlesta l-qafas fuq ħajt ġdid biex tiġi ffurmata t-tielet korsija fid-direzzjoni minn Ħal Tarxien lejn Bulebel.
Il-Ministru Chris Bonett spjega kif dan il-proġett qed iseħħ bil-għan ta’ organizzazzjoni aħjar ta’ din iż-żona sabiex jiġi ffaċilitat aħjar il-vjaġġ tas-sewwieqa, ċiklisti u kull minn juża din it-triq min-nofsinhar ta’ Malta.
“Mat-tlestija tiegħu, il-proġett ser jara l-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ta’ traffic lights li huma integrati ma’ xulxin bil-għan li l-immaniġġjar tat-traffiku jkun iżjed effettiv. Dawn ser jinkludu wkoll punti ġodda ta’ qsim pedonali għal min jiffrekwenta ż-żona bil-pass li jwassal biex l-inħawi jkunu aktar siguri għal min jużahom,” qal il-Ministru Bonett.
Għal dan il-proġett saru wkoll diskussjonijiet mat-Trasport Pubbliku dwar ir-rotta permanenti wara t-tlestija tal-proġett, fosthom bus stops aktar aċċessibbli.