Numru ta’ tfal illi jattendu SkolaSajf, kellhom l-opportunità li jifhmu aħjar l-importanza tal-użu responsabbli tal-flus. Dan sar permezz ta’ tagħlim prattiku minn għalliema u professjonisti fis-settur finanzjarju, u l-qofol intlaħaq permezz ta’ kompetizzjoni illi saret bejn diversi gruppi ta’ tfal, ta’ bejn is-7 u l-11-il sena.
Il-proġett tmexxa minn ĠEMMA b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi u SkolaSajf.
Fi tmiem din il-ġimgħa, żewġ gruppi ta’ tfal ingħataw premju, wara li rebħu żewġ kompetizzjonijiet rispettivament. Grupp minnhom żejjen siġra bi kliem relatat mal-litteriżmu finanzjarju. Din it-tema kienet diskussa waqt is-sessjonijiet fil-klassi, bid-diversi ħsibijiet tat-tfal jiffurmaw il-qafas ta’ dawn il-proġetti finanzjarji. It-tieni grupp ta’ tfal li rebaħ din il-kompetizzjoni ħoloq logo għall-kompetizzjoni ĠEMMA ta' din is-sena, b’mod kreattiv u fi spirtu ta’ tim.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon sostna illi l-fergħa fi ħdan il-Ministeru, ĠEMMA, ser tkompli tkabbar l-outreach tagħha, biex tilħaq kemm lit-tfal, adoloxxenti, adulti u anke pensjonanti.
“Nieħu din l-opportunità sabiex nifraħ lit-timijiet rebbieħa ta’ din il-kompetizzjoni, illi permezz tal-kreattività tagħhom ħolqu dan ir-riżultat finali. Ejja nkomplu ninvestu fil-ġenerazzjoni tal-lum u nippromwovu kultura t’għaqal u ppjanar sabiex verament nibnu tfal b’saħħithom u li jafu jieħdu deċiżjonijiet tajbin minn età żgħira,” temm jgħid Falzon.