AĠĠORNAT: 'Il-ħsarat fil-mina ta' Santa Venera setgħu jwasslu għal inċidenti serji', l-IM tgħid

Filwaqt li jiskużaw ruħhom għal kull inkonvenjent, Infrastructure Malta qalet li dan ix-xogħol seħħ b’urġenza minħabba ħsarat li żviluppaw fit-triq • Ix-xogħlijiet ġew ippjanati li jsiru fuq żewġt iljieli, u għalhekk matul il-lejl li ġej din l-istess karreġġjata se tingħalaq bejn id-9pm u l-5am

(Ritratt: Maltese Roads Traffic Updates)
(Ritratt: Maltese Roads Traffic Updates)

Dan l-artiklu kien aġġornat fis-2:47pm bi stqarrija ta' Infrastructure Malta

Ix-xogħol li sar taħt il-mini ta’ Santa Venera matul il-lejl li għadda kienu sabiex isiru interventi b’urġenza minħabba ħsarat li żviluppaw fit-triq, Infrastructure Malta qalet il-Ħamis.

Il-Ħamis filgħodu t-toroq ewlenin fin-nofsinhar ta’ Malta raw konġestjoni kbira kawża ta’ dan ix-xogħol.

Minħabba t-traffiku mċaqlaq bil-mod fuq il-karreġġjata tal-Lvant, fejn kien hemm karreġġjata waħda għal kull direzzjoni, it-traffiku malajr beda jiżdied fuq toroq prinċipali bħal Tal-Barrani, Vjal Santa Luċija, Triq Għajn Dwieli f’Bormla, u anke f’żoni bħal Marsa, Fgura u Żabbar.

“Il-ħsarat kienu perikolużi għall-pubbliku u li setgħu wasslu għal inċidenti aktar gravi,” qalet fl-istqarrija l-aġenzija tat-toroq.

L-aħħar rapporti indikaw li, minkejja li l-mina nfetħet, il-wiċċ tat-triq għadha mhux kompluta u għalhekk x-xogħlijiet mistennija jkomplu matul il-lejl li ġej.

Aktar dwar dan, l-IM qalet li x-xogħlijiet ġew ippjanati li jsiru fuq żewġt iljieli. Ix-xogħol pjanat fl-ewwel lejl kien jinvolvi t-tqaxxir ta’ żewġ saffi ta’ asfalt u l-għoti tal-ewwel saff bħala bażi. It-tieni lejl jara li jiġi mogħti t-tieni saff bħala l-wiċċ finali.

“Minħabba li t-triq infetħet fil-5am mingħajr l-aħħar saff ta’ asfalt, u dan sabiex it-triq tkun tista’ tintuża, wassal biex il-karozzi jsuqu b’iktar kawtela u allura nħoloq traffiku iktar mis-soltu,” spjegat l-aġenzija.

“Ix-xogħlijiet se jikkonkludu matul il-lejl li ġej b’din l-istess karreġġjata tingħalaq bejn id-9pm u l-5am, skont il-pjan oriġinali. Niskużaw ruħna ta’ kull inkonvenjent.”

More in Politika