Akkademiċi u opinjonisti jitkellmu mal-ILLUM dwar il-każ Amanda Muscat

L-ILLUM titkellem ma' Andrew Azzopardi, Jason Micallef, u Arnold Cassola dwar l-effett li qed iħalli l-iskandlu ta' Clint Camilleri, Clayton Bartolo u martu Amanda Muscat

Il-Ministru għal Għawdex u dak għat-Turiżmu qed jiffaċċjaw pressjoni għar-riżenja minn korpi konstitwiti, NGOs u l-Oppożizzjoni, wara investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Istandards li sab li Amanda Muscat, il-mara ta' Bartolo, ingħatat kuntratti għoljin bħala konsulent filwaqt li jidher li kienet nieqsa mill-kwalifiki meħtieġa.

Huma bosta li qed iħossu li dan l-iskandlu laqgħat il-laħam il-ħaj tal-partitarji Laburisti aktar minn skandli kbar oħra. Fosthom hemm l-akkademiku u preżentatur tar-radju, Andrew Azzopardi.

Mal-ILLUM, Azzopardi qal li l-każ nissel rabja fin-nies “kważi kważi aktar mill-biżibilju każijiet ta’ korruzzjoni li belgħu u selħu lil dan il-pajjiż miljuni kbar.”  

Minkejja li ddeskriva dan bħala ironija, huwa qal li jista’ jifhem għaliex. 

“Il-Prim Ministru ftit tas-sigħat qabel, fil-Parlament, fir-replika tiegħu għad-diskors tal-baġit kien qed jagħmel monologu sħiħ kif il-pajjiż huwa ġenna tal-art u bil-baġit ħa jkun aktar minn hekk, u din hi l-problema. In-nies f’dan il-każ fehmu verament x’qed jiġri, “they could identify”, ċioè dak li ħareġ bħala ruling il-Kummissarju tal-Istandards, li kien hemm ksur ta’ mġiba etika,” Azzopardi spjega.  

Madankollu hu qal li jsib stramb l-inkonsistenza mal-każ tal-Avukat Justyne Caruana.  

“Two weights and two measures, u jista’ jdum jgħid li huma differenti l-PM għax il-verità hija li mexa b’mod inugwali fuq każijiet li għandhom dinamika bħal ta’ xulxin. Imma dawn l-aħħar żewġ ministri huma magħrufin li huma ħbieb u alleati kbar [ta’ Abela] f’mument fejn il-Prim Minsitru qed tonqoslu s-saħħa politika,” Azzopardi żied jgħid. 

L-akkademiku nnota li jekk dak li l-PM qed jgħid hu veritier, li lil Amanda Muscat kien hu li keċċieha, allura jaqbel li l-Ministri “għaffġuha.”  

“U nixtieq inkun naf jekk kienx jaf x’ħa jagħmlu qabel. Ċar li dawn il-U turns u deċiżjonijiet inspjegabbli qed iħallu togħma morra f’ħalq in-nies. Kuntratt ta’ 70 elf mhux ċajta u li jingħata lil min m’għandux il-ħiliet altru milli żball imma huwa suspettuż a priori. It-taħwid li qed naraw inkredibbli.” 

Azzopardi fakkar kif ġie “illeġittimizzat l-ammont infinit ta’ persons of trust,” nies li jiġu appuntati jmexxu entitajiet b’pagi fenomenali mingħajr għajta tal-impjieg ta' xejn u ġieli lanqas kompetenzi. 

“Insomma dan każ ieħor li jkompli jikkonferma li fil-governanza dan il-Gvern għandu inflazzjoni kbira,” Azzopardi temm jgħid. 

Jason Micallef: ‘L-Oppożizzjoni Nazzjonalista hi fost l-aktar dgħajfa minn dawk li niftakar jien’ 

Għal kuntrarju tal-persuni l-oħra li kellmet il-gazzetta ILLUM, Jason Micallef irrifjuta jwieġeb għall-mistoqsija dwar x’kien jagħmel hu kieku kien fil-pożizzjoni tal-Prim Ministru Abela. 

Filwaqt li kliemu kien pjuttost fjakk fejn jidħol l-iskandlu per se, Micallef kritika bl-aħrax lill-Oppożizzjoni, li skontu, “hi fost l-aktar dgħajfa minn dawk li jiftakar hu. 

“Jien ma nweġibx għal mistoqsijiet ipotetiċi. Min-naħa l-oħra, jien dejjem fhimt li r-risposta tal-Prim Ministru kienet ibbażata fuq il-ġudizzju tiegħu, u x’jaf fuq il-każ inkwistjoni,” Micallef beda fil-kumment tiegħu lil dan il-ġurnal.  

“Fuq is-sitwazzjoni ġenerali tkellimt pubblikament f’aktar minn okkażjoni waħda. Għandek pajjiż fejn l-ekonomija għadha waħda b’saħħitha, u se tkompli tikber skont l-aħħar statistika tal-UE tal-aħħar jiem. Dan bid-differenza tal-maġġoranza assoluta tal-pajjizi fl-UE. Fl-istess waqt, għadu kif kellna baġit soċjalment b’saħħtu ħafna b’miżuri soċjali favur il-poplu bla preċedent. Filwaqt li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u dawk tal-fuels huma l-orħos fl-Ewropa kollha, min-naħa l-oħra, il-Gvern irid juri ħeġġa akbar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ proġetti kapitali, u investiment ġdid f’pajjiżna. F’bosta okkażjonijiet hemm proġetti kapitali li ilhom iż-żmien biex jibdew, u dan mhux sew.”  

“L-oppożizzjoni Nazzjonalista hi fost l-aktar dgħajfa minn dawk li niftakar jien kemm ilni naħdem jew insegwi l-politika f’pajjiżna. Ma toffri xejn għajr negattività, u taqbeż fuq kull karru skont xi jkun għaddej fil-media soċjali biex forsi tiskorja ftit punti politiċi, bla ma toffri alternattivi ekonomiċi, soċjali, jew viżjoni fit-tul għal pajjiżna. Oppożizzjoni li tixbah lil dik il-karozza li t-tajers tagħha jinqabdu fit-tajn u jduru fil-vojt bla ma tiċċaqlaq pulzier.” 

Arnold Cassola: Il-Prim Ministru huwa hu stess parti mill-problema billi jara kif jiġġustifika l-ħażen kollu

Il-politiku indipendenti, li qed jispira li jiftaħ il-partit tiegħu, qal li ma jaqbel xejn ma’ kif il-Prim Ministru Robert Abela rreaġixxa fil-konfront taż-żewġ Ministri inkwistjoni. 

“Il-Prim Ministru huwa hu stess parti mill-problema billi jara kif jiġġustifika l-ħażen kollu. Huwa ħati li nnormalizza l-imġiba arroganti u klijentelistika tal-ministri tiegħu,” Cassola qal. 

Żied jgħid illi kieku kien hu fiż-żarbun ta’ Abela, ma kienx jeħli ħin, u jkeċċi lil Bartolo u lil Camilleri minnufih. 

Mistoqsi x’jidhirlu mis-sitwazzjoni b’mod ġenerali, Cassola qal “We have gone to the dogs.” 

“Meta jkollok Prim Ministru li jiġġustifika t-tbagħbis ta’ ċertifikati mediċi biex tisraq benefiċċji soċjali li ma jistħoqqlikx; meta jasal biex jiġġustifika s-serq ta’ 70,000 ewro billi sempliċement tgħid “sorry”; meta jasal biex jgħawweġ il-fatti u jigdeb biex jgħatti l-ħmieġ taż-żewġ Ministri tiegħu ... ma tistax taqa’ fil-baxx iktar minn hekk,” Cassola qal lill-ILLUM. 

Cassola temm jgħid li hu jaqbel perfettament mad-Deputata Laburista Rosianne Cutajar, għax “dan hu eżempju ċar ta’ “kulħadd jitħanżer”.

More in Politika