Il-partiti u l-mexxejja f’qagħda delikata: Ħarsa lejn l-aħħar għaxar sondaġġi
F’din l-analiżi, il-kordinatur editorjali tal-ILLUM, Marianna Calleja, tagħti ħarsa lejn l-aqwa u l-agħar numri li ġabu l-mexxejja u l-partiti fis-sondaġġi tal-aħħar sena. Titkellem ukoll dwar dawk l-avvenimenti importanti li jaf affettwaw il-fiduċja tan-nies fl-istess perjodu
minn Marianna Calleja
Din is-sena ġabet ċertu tibdil fix-xenarju politiku Malti li, ejja nammettu magħna nfusna, mhux eżattament konna qegħdin nistennew. Anzi li kieku mhux għal tliet jew erba’ avvenimenti turbolenti u importanti din is-sena, kien se jkollok nies li jargumentaw li l-Partit Nazzjonalista fis-Sondaġġi se jdum ma jiċċaqlaq. Dan kien rifless fis-sondaġġi tal-MaltaToday.
Għaldaqstant, xi ħaġa waħa li ma nbidlitx tant hija li l-appoġġ għaż-żewġ partiti ewlenin, il-Partit Laburista (PL) u l-Partit Nazzjonalista (PN), jidher li baqa’ jaffaċċja tnaqqis progressiv, b’żieda fl-għażla ta’ astensjoni jew appoġġ għal partiti ż-żgħar.
Dan jikkonferma l-biża’ tal-politikanti, li l-bidla fil-prijoritajiet tal-elettorat Malti, partikolarment fost iż-żgħażagħ u l-votanti tal-klassi medja, inbidlu. Din hija r-raġuni għaliex il-Partit Nazzjonalista ffoka fuq tema friska, ikkulurita mmirata għal ‘Malta Żagħżugħa’, filwaqt li l-Partit Laburista dawwar il-prijoritajiet finanzjarji tiegħu lejn il-klassi l-medja.
Qagħda ġenerali tal-partiti
Minn Jannar sa Novembru 2024, il-PN wera progress konsistenti fl-appoġġ, b’żieda minn 41% għal 46.3%. Imma dan mhux dejjem wera nuqqas ta’ sodisfazzjon fil-konfront tal-PL. Fil-fatt il-PL għadu jżomm fuq quddiem jew viċin tal-PN, anke fl-aħħar tnejn fejn iżżerżaq ftit ’l isfel. Pereżempju, fl-aħħar sondaġġ, il-PL kien qed jirreġistra 45.3%, meta l-PN kien madwar 46.3%. Allura, għalkemm niżel taħt il-PN, xorta baqa’ ma’ koxxtu.
Intant, filwaqt li l-PN qed jagħmel progress, u dan importanti ma nixhduhx, ir-riżultati juru wkoll li ż-żewġ partiti qed jitilfu l-votanti. Dawn il-votanti narawhom itellgħu rashom fl-astensjonijiet jew anke partit żgħar.
Il-partiti ż-żgħar, inkluż l-ADPD, irreġistraw żieda sinifikanti f’ċerti sondaġġi. L-appoġġ għall-partiti ż-żgħar wasal sa 11.1% fi Frar 2024, l-ogħla li qatt kien din is-sena, li jista’ jfisser iż-żieda tal-interess f’alternattivi politiċi.
Fiduċja fil-mexxejja
Il-Prim Ministru Robert Abela baqa’ b’marġni komdu fuq Bernard Grech fil-fiduċja personali, għalkemm il-vantaġġ tiegħu naqas xi drabi matul is-sena.
L-inqas li kellhom fiduċja f’Robert Abela n-nies huwa fis-sondaġġ li seħħ f’nofs Mejju tal-2024, b’36.5%. Dan kien is-sondaġġ li seħħ ġimgħa jew tnejn wara li l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat ġie mressaq ma’ numru ta’ nies oħra mixli bi frodi, fost akkużi oħra, fil-każ Vitals. L-ogħla rata ta’ fiduċja Abela ġabha propju xahrejn qabel, f’Marzu, b’45.9% iwieġbu li huwa l-aktar mexxej li jafdaw.
Min-naħa l-oħra Bernard Grech, minkejja baxxa, żamm konsistenza fil-fiduċja. Qatt ma qabeż t-30% imma qatt ma ġab inqas minn 15%. L-iktar li ġab kien f’Settembru, b’26.6%. L-inqas li ġab kien fi Frar tal-2024, b’16.7%. L-istess sondaġġ ta’ Frar ra l-ogħla fiduċja fl-ebda mexxej, bi 42.2% jgħidu li l-ebda mexxej ma jafdaw.
Dan huwa allarmanti għal kull partit politiku peress li turi nuqqas ta’ konnessjoni bejn l-elettorat u t-tmexxija. Fil-każ tal-PN, dan jista’ jkun partikolarment problematiku, peress li l-votanti ilhom jesprimu dubji fil-kapaċità ta’ Grech li jmexxi. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ Abela, in-numru juruk indikazzjoni ta’ meta l-faxxa ta’ Joseph Muscat tkun qed tqarreb lejn Abela jew tiġri ’l bogħod minnu.
L-Astensjoni u l-istrateġija tal-partiti
Astensjoni għolja tibqa’ l-akbar sfida għall-partiti ewlenin, b’żgħażagħ u votanti tal-klassi medja fl-aktar riskju li jastjenu. Skont is-sondaġġi, il-PL tilef proporzjon sinifikanti tal-votanti tiegħu mill-2022, b’aktar minn 30% jiddikjaraw l-intenzjoni li ma jivvutawx. Dan l-aspett huwa aktar preżenti f’żoni bħal Għawdex u r-reġjun tal-Lvant, fejn l-astensjoni laħqet 43% (l-ogħla).
L-akbar sfida għall-PN hija l-inabbiltà li jattira dawn il-votanti frustrati tal-PL jew il-ġenerazzjoni żagħżugħa, fejn il-PL xorta qed imexxi b’punti sinifikanti. Dan iħalli lill-partiti ż-żgħar u movimenti indipendenti f’pożizzjoni unika biex iġibu huma minflok bidla fil-mappa politika.
Il-prestazzjoni tal-Gvern fl-aħħar sena
L-indikatur tal-prestazzjoni tal-gvern żammet medja ta’ 2.8 minn 5. Iż-żewġ punti ta’ sodisfazzjon fit-tmexxija aktar min-nofs telenka l-grad għoli tan-nuqqas ta’ sodisfazzjon fost iċ-ċittadini. Dan jista’ jkun marbut mal-iskandli li rebħu l-attenzjoni tan-nies dis-sena, fosthom, l-isptarijiet, ta’ Transport Malta, ta’ Amanda Muscat, u aktar. Jista’ jkun wkoll li ċ-ċittadini qed jipprovaw juru li hawn nuqqas ta’ politika ċara biex jiġi indirizzat l-għoli tal-ħajja, iż-żieda fil-popolazzjoni, il-problemi żgħar imma kbar fl-effett bħal qtugħ fid-dawl, problemi bid-dranaġġ u t-traffiku. Filwaqt li dawn il-kwistjonijiet huma sfidi għal Abela, fl-aħħar snin il-PN ma rnexxilux jikkapitalizza biżżejjed fiduċja fuqhom biex jagħmel avvanzi sinifikanti.
Fatturi li jaf affettwaw ir-riżultati tas-sondaġġi
Is-sena 2024 kienet waħda mimlija ġrajjiet li għamlu impatt fuq ix-xenarju politiku Malti u affettwaw kif in-nies wieġbu fis-sondaġġi tal-MaltaToday. Matul is-sena, kwistjonijiet ekonomiċi, skandli politiċi, u elezzjonijiet importanti ħallew marka fuq il-fehma tal-pubbliku.
1. Il-Baġit 2025
F’Ottubru, il-Gvern nieda baġit iffukat fuq il-klassi l-medja. Għalkemm il-Baġit ippropona ċerti benefiċċji, inklużi żidiet fil-pensjonijiet u għajnuna għal negozji żgħar, kien hemm kritika dwar in-nuqqas ta’ soluzzjonijiet għat-tul għal sfidi bħad-djar u s-sostenibbiltà ambjentali.
Dan irriżulta f’livelli mħallta ta’ appoġġ għall-Gvern, b’xi sondaġġi jindikaw livelli baxxi ta’ sodisfazzjon (2.7/5 f’Novembru). Fl-istess waqt il-PN, ikkritika l-baġit, imma naqas milli joffri alternattivi konkreti li setgħu jżidu l-appoġġ tiegħu b’mod sinifikanti.
Dak li kompla jgħakkes lill-Partit Laburista huwa l-konklużjoni tal-investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Istandards li sabet li Amanda Muscat, il-mara ta’ Clayton Bartolo, ingħatat kuntratti għoljin bħala konsulent filwaqt li jidher li kienet nieqsa mill-kwalifiki meħtieġa.
2. L-Elezzjonijiet tal-MEPs
F’Ġunju, Malta kellha l-elezzjonijiet Ewropej, fejn ir-rata tal-parteċipazzjoni baqgħet għolja. Għalkemm il-PL żamm il-maġġoranza tiegħu, kien hemm sinjali ta’ tnaqqis fl-appoġġ f’ċerti distretti.
Il-PN approfitta minn kwistjonijiet bħal nuqqas ta’ trasparenza fl-istituzzjonijiet u rabtiet ma’ skandli, iżda dan ma kienx biżżejjed biex iwassal għal rebħa sinifikanti.
L-għażla tal-kandidati, speċjalment dawk żgħażagħ, għenet lill-partiti ż-żgħar bħall-ADPD biex iżidu l-viżibbiltà tagħhom.
3. Il-Kawża ta’ Joseph Muscat
F’Mejju, l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat tressaq il-Qorti mixli b’korruzzjoni marbuta mal-konċessjoni tal-isptarijiet. Dan l-iżvilupp ħoloq kontroversji politiċi kbar, b’ħafna votanti tal-PL jesprimu diżappunt dwar kif il-partit qed jimmaniġġja l-wirt politiku tiegħu.
Dan is-suġġett ressaq ukoll lill-PN f’pożizzjoni delikata, peress li ma rnexxilux joħloq momentum għall-kampanja ta’ riforma fil-governanza. Il-livell ta’ astensjoni fost il-votanti kien xokkanti, speċjalment f’żoni tradizzjonalment leali għall-PL.
4. Skandli u Investigazzjonijiet
Il-qgħad mill-ġdid fuq il-konċessjoni tal-isptarijiet kien punt kruċjali. Is-sentenza li l-ftehim kien irregolari ħarġet lil hinn mid-dibattitu politiku għal diskors nazzjonali dwar il-governanza u l-użu ta’ fondi pubbliċi.
Skandli oħrajn, inkluż dawk marbuta mal-artijiet pubbliċi, komplew idgħajfu l-fiduċja fil-klassi politika kollha kemm hi. Dan ġie rifless fil-fatt li madwar 30% tal-votanti fis-sondaġġi dejjem iwieġbu “ħadd” meta mistoqsija dwar il-fiduċja fil-mexxejja.
5. Sfidi żgħar, b’impatt negattiv kontinwu
Fejn il-kriżi tal-għoli tal-ħajja rebħet bosta punti lill-Partit Laburista, għax ikkumparat ma’ pajjiżi oħra rnexxielu jżomm ir-rota ekonomika għaddejja, sfidi oħra ġabuh jidher il-viljakk.
Ejja nirreferu għalihom bħala ‘sfidi żgħar, b’impatt negattiv kontinwu’, li eventwalment bħal dominoes waqqgħu l-fiduċja tan-nies fil-Gvern. Dawn jinbtu eżempju miż-żieda fil-popolazzjoni, li ġabet sfidi bħal: qtugħ tad-dawl, problemi bir-riżorsa tal-ilma, sfidi ġodda fis-sistemi tad-dranaġġ, u traffiku. Kull fergħa minnhom ġabet sfidi fiha oħra. Eżempju: Traffiku, ġab dwejjaq u rabja fit-toroq, aktar inċidenti, u lmenti dwar infrastruttura (anke meta t-twissija hemm bżonnha).
Dan kollu kabbar it-tħassib tal-elettorat fuq l-ekonomija, u l-famuż mudell ekonomiku ta’ Joseph Muscat, u t-tellieqa ta’ Robert Abela biex isolvi dak kollu li l-predeċessur tiegħu ma pprevediex.