Il-Gvern determinat li ma jiċċaqlaqx dwar l-MCAST

Il-Gvern mhux beħsiebu jiċċaqlaq mal-MUT dwar il-ftehim mal-MCAST, sors qrib in-negozjati qal lill-ILLUM. Is-sors spjega kif hemm gwerra tal-MUT mal-UHM fl-MCAST, u minħabba f’hekk qed ibati kulħadd

Il-Ministru Clifton Grima (lemin) u Marco Bonnici, il-protagonisti fid-diskussjonijiet
Il-Ministru Clifton Grima (lemin) u Marco Bonnici, il-protagonisti fid-diskussjonijiet

Il-Gvern mhux beħsiebu jiċċaqlaq mal-MUT dwar il-ftehim mal-MCAST, sors qrib in-negozjati qal lill-ILLUM. 

“Qed ikun impossibbli, u qed ikun diffiċli,” is-sors qal. 

Is-sors, li huwa qrib il-Gvern u viċin in-negozjati, spjega kif bħalissa l-lekċerers qed ikunu offruti ġimgħa inqas f’kull semestru, siegħa inqas kuljum, u pakkett tajjeb b’mod ġenerali, u “issa Marco jrid €400 għal kull resit, apparti affarijiet oħra,” qal is-sors. 

“Qed ibatu l-istudenti,” żied jgħid is-sors, “iridu jifhmu li din hija gwerra tal-MUT mal-UHM fl-MCAST, u minħabba f’hekk qed ibati kulħadd.” 

Fi ftit kliem is-sors spjega kif Marco Bonnici tefa’ għajnejh fuq l-istaff kollu tal-MCAST u jrid li hu jibda jippreżentahom flimkien mal-gradi kollha tal-lekċerers fi ħdan l-istess istituzzjoni. 

“Marco Bonnici ma jistax jaġixxi b’dan il-mod,” temm jgħid is-sors. 

Il-Gvern jikkritika t-talbiet “inaċċettabbli” tal-MUT dwar il-kuntratt kollettiv tal-lekċerers tal-MCAST 

Il-Gvern ikkritika t-talbiet “inaċċettabbli” tal-Unjoni Maltija tal-Għalliema (MUT), li jinkludu allowance ta’ €400 għal resits waqt in-negozjati tal-kuntratt kollettiv tal-lekċerers tal-MCAST. 

“Il-Gvern ma jistax jaċċetta kundizzjonijiet differenti għal ċerti edukaturi waqt li jħalli oħrajn f’kundizzjonijiet inqas favorevoli,” qalet il-Kap Eżekuttiv tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Joyce Cassar, waqt konferenza tal-aħbarijiet nhar il-Ġimgħa filgħodu. 

Din il-konferenza seħħet fi żmien ta’ tensjoni dejjem jiżdiedu bejn il-Gvern u l-MUT rigward l-azzjoni industrijali li għadha għaddejja fl-MCAST. Il-Kap Eżekuttiv tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Matthew Vella, u l-Prinċipal il-ġdid tal-MCAST, Stephen Vella, kienu preżenti matul il-konferenza. 

Cassar qalet li “l-Gvern iħoss li hemm informazzjoni nieqsa, u huwa tajjeb li l-letturi, il-ħaddiema tal-MCAST, l-istudenti u l-familji tagħhom, kif ukoll il-pubbliku ġenerali, ikollhom l-informazzjoni rilevanti, flimkien ma’ dak li qed jiġi propost u diskuss.” 

Hija insistiet ukoll fuq il-pożizzjoni tal-Gvern li n-negozjati ma jistgħux jimxu ’l quddiem sakemm l-MUT ma tirritornax id-direttivi kurrenti tagħha fl-MCAST. Cassar qalet li, minkejja li l-Gvern ma jintervjenix ma’ unions li jwettqu azzjoni industrijali, “għamlu eċċezzjoni minħabba l-impatt wiesa’ fuq il-ħaddiema u l-istudenti.” 

More in Politika