Konsultazzjoni mal-KSU twassal għal rakkomandazzjonijiet fil-Labour Migration Policy

Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif il-Labour Migration Policy se tfittex bilanċ bejn il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol u d-dinjità tal-ħaddiema

F’laqgħa mal-eżekuttiv ġdid tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU), il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li r-rakkomandazzjonijiet diskussi se jkunu integrati fid-dokument finali tal-Labour Migration Policy. Dan id-dokument mistenni jitqiegħed għall-konsultazzjoni pubblika dalwaqt.

Filwaqt li rrimarka l-importanza tal-perspettivi taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika nazzjonali, Abela semma kif il-Youth Advisory Forum, li jiltaqa’ kull xahar, sar pedament għal diskussjonijiet dwar kwistjonijiet nazzjonali. “Laqgħat bħal dawn mal-KSU għandhom ikunu regolari għax joffru opportunità unika biex il-vuċi taż-żgħażagħ tidwi fil-politika ta’ pajjiżna,” qal il-Prim Ministru.

Abela spjega kif il-Labour Migration Policy se tfittex bilanċ bejn il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol u d-dinjità tal-ħaddiema. Huwa saħaq li l-politika l-ġdida se tiżgura li ħaddiema barranin jiġu impjegati biss f’setturi fejn hemm bżonn ċar.

Matul il-laqgħa, il-Prim Ministru enfasizza wkoll il-viżjoni fit-tul tal-Gvern, Malta Vision 2050, li tinkorpora l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ f’oqsma bħall-edukazzjoni u l-ambjent. “Din hija viżjoni li intom, iż-żgħażagħ, għandkom tkunu l-katalisti tagħha,” qal Abela.

Is-saħħa mentali kienet tema ewlenija oħra fid-diskussjoni. Abela semma l-investimenti li qed isiru f’servizzi ta’ saħħa mentali bbażati fil-komunità, li huma parti minn inizjattivi li ġew imsaħħa fl-aħħar Baġit.

Fl-indirizz tiegħu, Abela qal li ż-żgħażagħ għandhom rwol ċentrali biex jegħlbu l-isfidi tal-istatus quo. “Il-futur ta’ pajjiżna jiddependi fuqkom. Bħala Gvern, aħna kommessi li ninvestu fikom u fl-edukazzjoni tagħkom biex nassiguraw futur sabiħ għal Malta,” żied jgħid.

Il-laqgħa ġiet miżjura wkoll mill-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti, u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.

More in Politika