X’qalu mal-ILLUM matul l-2024? Ħarsa lejn ftit intervisti li għamilna...
Minn politiċi, għal artisti, awtoritajiet u attivisti. Dawn huma l-aqwa kwotazzjonijiet mill-intervisti li l-gazzetta ILLUM ippubblikat kull nhar ta’ Ħadd
minn Marianna Calleja
Minn politiċi, għal artisti, awtoritajiet u attivisti. Dawn huma l-aqwa kwotazzjonijiet mill-intervisti li l-gazzetta ILLUM ippubblikat kull nhar ta’ Ħadd.
“Kritika kostruttiva tiegħi hija li Mater Dei kien żgħir għall-popolazzjoni qabel l-2013, mela xi ngħidu għal-lum meta diġà għandna żieda fil-popolazzjoni u li l-poplu edukajnieh biex ifittex jieħu ħsieb aktar saħħtu?”
Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-politika soċjali, Stephen Spiteri, 21 ta’ Jannar 2024
“Aħna qatt ma għedna li l-faqar huwa perċezzjoni. Importanti li niftakru li s-soċjetà qed tinbidel. Il-faqar li naraw fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali qed jiġri parzjalment minħabba l-ammont għoli ta’ persuni li qed jisseparaw. Jien kont tajt statistika inkwetanti li wriet li l-problema ġejja primarjament mill-isfaxxar ta’ żwiġijiet jew relazzjonijiet.”
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni, Roderick Galdes, 4 ta’ Frar 2024
“Qegħdin inħarsu li t-turist li jiġi Malta jħalli iżjed flus milli kien iħalli ta’ qabel. It-turiżmu u l-importanza tiegħu tinħass għax minnu qed jiekol kulħadd; mit-taxxi tas-settur tat-turiżmu qed jirnexxilna nsostnu l-programm soċjali tal-Gvern, mis-sussidji fl-enerġija, dan ġej mit-taxxa tat-turiżmu.”
L-Eks Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, 3 ta’ Marzu 2024
“Apparti l-fatt li l-Ponta tal-Qawra saret żona fejn ma tistax issir kaċċa (u dan bis-saħħa tal-pressjoni li għamlet BirdLife Malta), fil-bqija nista’ ngħid li ma sar assolutament xejn. U dan ma jfissirx li kieku kien hemm il-Partit Nazzjonalista fil-gvern kien ikun hemm xi ħaġa differenti.”
Kap Eżekuttiv tal-BirdLife Malta, Mark Sultana, 21 ta’ April 2024
“Waħda mil-linji l-ħomor għalija kienet l-abort. Nemmen li dan hu suġġett filosofiku, jew temmen li fetu huwa ħajja, jew le. Jekk inti ma temminx li dan hu l-ħajja, nifhimha, li għalik l-abort hu okay, imma għalija l-fetu huwa ħaj u rrid li nindukrawh. Dak kien il-punt prinċipali, li sseparani mill-Alternattiva.”
Kandidat indipendenti għall-elezzjonijiet Ewropej, Arnold Cassola, 26 ta’ Mejju 2024
“Huwa ċar li kull telf ta’ vot huwa raġuni għal riflessjoni serja u evalwazzjoni onesta tal-mod kif il-partit qed jaħdem. Ir-rebħa hija dejjem tifkira li għandna x’naqdfu, imma t-telf ta’ voti juri li hemm oqsma fejn nistgħu u għandna ntejbu.”
L-MEP Laburista, Thomas Bajada, 16 ta’ Ġunju 2024
“Kull każ għandu jittieħed b’serjetà kbira, l-istess bħalma għandna nitrattaw kull każ ta’ inċidenza fuq ix-xogħol. Dan m’għandux jinkludi biss dawk l-inċidenti fuq siti ta’ kostruzzjoni, anzi rridu nimxu lejn soċjetà li jimpurtaha minn kull ħaddiem biex flimkien inżidu l-kuxjenza u l-għarfien dwar l-importanza tas-salvagwardja tas-saħħa u s-sigurtà fuq kull xogħol.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, 14 ta’ Lulju 2024
“Jien dejjem iddefendejt bil-kbir lil kull mexxej li kellu l-PL u hekk għandu jkun. Joseph Muscat wieħed minnhom. Jien konsistenti dejjem u kullimkien.”
L-Eks Segretarju Ġenerali tal-PL, Jason Micallef, 4 t’Awwissu 2024
“Jekk il-Gvern mhux se jdaħħal inċentivi u/jew skemi fiskali illi jippromovu bini effiċjenti, dan ifisser illi l-prezz aħħari se jbatih il-konsumatur, u b’hekk, iva, il-prezzijiet tad-djar se jkollhom jiżdiedu.”
Is-CEO tal-Assoċjazzjoni għall-Iżvilupp, Leon Chetcuti, 29 ta’ Settembru 2024
“Qegħdin naraw issa l-ħeġġa li għandhom il-politiċi biex jibdlu l-Pjanijiet Lokali ta’ San Ġiljan! Huwa ċar li l-interess tagħhom m’għandu x’jaqsam xejn affattu mal-interessi tar-residenti u kostitwenti tagħhom. L-effetti ta’ dawn id-deċiżjonijiet se narawhom fil-futur qarib meta tikkollassa l-infrastruttura f’dawn iż-żoni. Din hija politika egoista mingħajr viżjoni.”
President Eżekuttiv ta’ Din l-Art Ħelwa, Patrick Calleja, 13 t’Ottubru 2024
“Nemmnu li t-taxxa korporattiva hija waħda għolja u għaldaqstant nemmnu li wasal iż-żmien li din titnaqqas, kif fil-fatt kien imwiegħed, anke għaliex f’dan l-istadju qed jeżisti żbilanċ bejn negozji Maltin u negozji barranin, b’negozji Maltin iħallsu 35% taxxa u negozji barranin iħallsu taxxa effettiva ta’ 5%.”
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Paul Abela, 17 ta’ Novembru 2024
“Iktar ma Robert Abela jkompli jiddefendi din l-imġiba u jiskuża dan l-aġir, iżjed ikompli jrawwem din il-kultura. U finalment mhux il-PN imma l-poplu se jispiċċa jżommu responsabbli ta’ dan it-tnawwir li hu qed jibqa’ jbierek.”
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport, Mark Anthony Sammut, 1 ta’ Diċembru 2024