Malta għandha partit politiku ieħor, hekk kif il-Partit Momentum, immexxi minn Arnold Cassola, beda uffiċjalment il-Ġimgħa.
F’konferenza stampa, il-kumitat eżekuttiv tal-partit spjega kif il-pjanijiet sabiex jifforma l-partit kienu ilhom għaddejjin għal erba’ snin, b’Arnold Cassola bħala wiċċ il-moviment.
Is-Segretarju Ġenerali tal-partit m’eskludiex il-formazzjoni ta’ koalizzjonijiet ma’ partiti oħra żgħar, meta tkellem ma’ ġurnalisti.
Wara l-elezzjoni Ewroparlamentari tas-sena l-oħra, il-gruppi bdew il-kampanja tagħhom “Inkomplu Flimkien”, li rriżulta f’erba’ vision circles. Dawn il-laqgħat informali ma’ nies minn diversi sferi tas-soċjetà ffukaw fuq diskussjonijiet rigward it-trasparenza u d-demokrazija, l-infrastruttura u l-ippjanar, l-ekonomija, u l-edukazzjoni.
Dawn il-‘vision circles’ kellhom l-għan li jservu ta’ fondazzjoni għall-politika tal-partit.
Waqt il-konferenza stampa, il-membri tal-kumitat ġew introdotti. Arnold Cassola huwa l-President tal-partit, waqt li Mark Camilleri Gambin qed iservi bħala s-Segretarju Ġenerali.
Carmel Asciak huwa t-Teżorier tal-partit, flimkien ma’ Katya Compagno, Matthew Agius, Sumaya Ben Saad, u Natasha Azzopardi li ħa jservu kollha bħala membri tal-kumitat.
“Għax aħna partit ċentrist, ma jfissirx li m’għandniex valuri,” qal Camilleri Gambin hekk kif spjega l-prinċipji li ħa jkun qed jimxi magħhom il-partit.
Hu spjega dawn il-valuri: trasparenza u responsabbiltà, governanza tajba, saħħa fiżika u mentali, ġustizzja soċjali, edukazzjoni ta’ kwalità, u l-konservazzjoni tal-wirt kulturali Malti.
Camilleri Gambin stqarr ukoll li l-partit ħa jkun qed jimxi b’vot ta’ kuxjenza f’ċerti kwistjonijiet bħall-abort.
Il-partit ma jeskludix koalizzjonijiet
Meta saret domanda rigward il-pjanijiet tal-partit rigward kollaborazzjonijiet ma’ partiti żgħar oħra, Camilleri Gambin qal li Momentum lest li jikkollabora, hekk kif fetaħ opportunità għal koalizzjonijiet. Meta ġie mistoqsi ma’ liema partit diġà kien hemm diskussjonijiet għaddejjin, l-ebda partit ma ġie msemmi, avolja Agius għamel referenza għall-istorja ta’ Cassola mal-ADPD, il-partit li qabel hu kien imexxi.
Meta l-partit ġie mistoqsi fuq iċ-ċans li għandhom sabiex kandidati minn tagħhom jiġu eletti, Agius qal li l-partit ħa jiffoka fuq il-100,000 votant li bħalissa mhux qed jużaw il-vot tagħhom.
“Dan ikun possibbli jekk biżżejjed nies jafdaw u jemmnu li aħna validi. Aħna ħa nagħmlu l-almu tagħna sabiex nuru li l-ideat tagħna huma tajbin, b’hekk kieku nistgħu napplikaw l-esperjenza varja tagħna sabiex ngħinu lill-partit.”
Matthew Agius stqarr li l-partit qiegħed fil-proċess ta’ tfittxija għal kandidati għall-elezzjoni, imma Cassola żgur ħa jkun fuq il-vot. Hu żied li l-partit ħa juża ċerti tattiċi u jikkontesta f’tali distretti.
Rigward il-finanzjament tal-partit, Camilleri Gambin qal li l-partit qiegħed jaċċetta donazzjonijiet mis-sit eletroniku tagħhom.
Natasha Azzopardi appellat lill-publiku sabiex jissieħbu fil-vision circle tal-partit sabiex isiru jafu l-membri tal-partit u l-viżjoni tagħhom.