Il-PN jipproponi sena sħiħa leave għal ġenituri ġodda

Il-PN jippubblika 10 proposti għal bilanċ aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol u tal-familja

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li tingħata sena leave mħallas, maqsum bejn maternity u parental leave, sabiex il-familji jkollhom iżjed flessibilità.

F’serje t’10 proposti rigward il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, il-PN qed jissuġġerixxi li jiżdied il-parental leave u leave mħallas mill-gvern għal kull min jaħdem, inkluż għal min jaħdem għal rasu.

Il-pjan tal-Partit Nazzjonalista jinkludi żieda fil-paternity leave minn 10 tijiem għal ħmistax, u maternity leave minn 18-il ġimgħa għal 24. Il-partit ppropona wkoll li l-parental leave jiżdied minn 8 ġimgħat għal 28 ġimgħa, maqsumin b'mod ugwali bejn iż-żewġ ġenituri, mhux trasferibbli sabiex jitqanqal sens ta’ responsabbilta’ miż-żewġ naħat.

Il-proposta tgħid li dan il-parental, paternity u ż-żieda fil-maternity leave jkun imħallas mill-gvern. F’każ ta’ parental leave, il-pagament ikun skont il-paga medja.

Sadanittant, skont il-proposti, dawk li jaħdmu għal rashom ħa jkollhom l-istess drittijiet daqs dawk li huma impjegati ma’ kumpanija. Hu propost li l-gvern iħallas dawn l-ispejjeż sabiex inaqqas il-piż finanzjarju minn fuq min iħaddem. 

Il-PN qed jipproponi wkoll iżjed sapport għas-servizzi taċ-childcare u remote working, inkluż assistenza finanzjarja għal ġenituri li jagħżlu li jibqgħu d-dar mat-tfal tagħhom waqt it-tieni sena wara t-twelid, ekwivalenti għas-sussidji tal-gvern għaċ-ċentri taċ-childcare.

Il-partit issuġġerrixxa wkoll kreditu tat-taxxa għall-kumpaniji privati li jħaddnu xi sistema ta’ remote working.

“Dawn ir-riformi mhumiex għal familji individwali biss, imma ukoll għall-istabbilita’ u progress fil-ġejjieni ta’ Malta,” qal il-partit f’stqarrija.

More in Politika