Fl-ewwel sondaġġ li qatt sar fost votanti Għawdxin biss mill-gazzetta oħt, MaltaToday, ħareġ illi l-Partit Nazzjonalista qiegħed fit-triq it-tajba sabiex jirbaħ lura t-tlettax-il distrett. Dan minkejja li l-istess partit tilef il-maġġoranza fl-aħħar żewġ elezzjonijiet fil-gżira Għawdxija.
L-istħarriġ, li seħħ matul ix-xahar ta’ Jannar, staqsa 666 votant Għawdxi lil min jivvota f’elezzjoni. Iċ-ċifri wrew lill-Partit Nazzjonalista b’vantaġġ ta’ sitt punti perċentwali fuq il-PL.
Għaldaqstant is-sondaġġ juri wkoll li l-elettorat Għawdxi qed jiċċaqlaq lejn diversi direzzjonijiet, bil-Partit Laburista jkun l-ikbar tellief fost iż-żewġ partiti kbar. Li jidher biċ-ċert ukoll huwa li l-Partit Nazzjonalista xorta m’għandux jiċċelebra għax fil-verità ż-żewġ partiti qed jitilfu l-votanti.
Fil-fatt, filwaqt li l-Partit Laburista jidher jitlef il-vantaġġ minħabba l-votanti li jagħżlu li jastjenu, il-Partit Nazzjonalista jidher jitlef il-votanti, li normalment jivvutaw lilu, lil partiti terzi.
Is-sondaġġ wera li 16% tal-votanti li fl-elezzjonijiet tal-2022 ivvutaw lill-Partit Laburista, issa jgħidu li jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista. Min-naħa l-oħra, il-partiti ż-żgħar fis-sondaġġ jidhru jieħdu 11% tal-voti mill-Partit Nazzjonalista. Dan ipoġġi lill-Partit Nazzjonalista f’pożizzjoni li jiggwadanja aktar voti milli qed jitlef, filwaqt li l-Partit Laburista jitlef voti aktar milli jiggwadanja.
F’termini ta’ numri, is-sondaġġ juri lill-Partit Laburista jitlef aktar minn 3,700 vot, meta kkumparat mal-elezzjoni tal-2022, waqt li l-Partit Nazzjonalista jiggwadanja 400 vot, u l-partiti ż-żgħar jaraw żieda sostanzjali ta’ aktar minn 2,000 vot.
Fil-fatt, l-akbar sorpriża tas-sondaġġ huwa r-riżultat li ġabu l-partiti ż-żgħar, b’5.7% jwieġbu li f’elezzjoni, dan il-mument, jivvutaw lill-ADPD, u 5.1% oħra jgħidu li jivvutaw partiti oħra.
Mis-sondaġġ tixref differenza ċara fil-ġenerazzjonijiet. Interessanti huwa li waqt li l-Partit Laburista jidher li qed jibqa’ jgawdi l-vantaġġ fost dawk li għandhom inqas minn 50 sena, demografika li fiha jiddominaw il-partiti ż-żgħar, il-Partit Nazzjonalista jidher b’saħħtu fost dawk ta’ età ikbar. Huma 55% mill-parteċipanti, li għandhom iktar minn 65 sena, li għażlu lill-Partit Nazzjonalista. Min-naħa l-oħra, l-appoġġ għall-partiti ż-żgħar jaqbeż is-17% fost dawk li għandhom inqas minn 35 sena.
Intant, għalkemm il-Partit Nazzjonalista jidher jirbaħ il-gżira tat-tliet għoljiet, il-Prim Ministru Robert Abela jidher igawdi l-fiduċja tal-Għawdxin, aktar mill-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech.
Fil-każ ta’ fiduċja, Abela qed jara disa’ punti vantaġġ fuq Grech. Għaldaqstant, ammont sostanzjali ta’ votanti li m’għandhomx fiduċja fl-ebda mexxej, xorta jagħżlu li jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt, 30% tal-votanti Nazzjonalisti li bħalissa jgħidu li m’għandhom fiduċja fl-ebda mexxej, xorta se jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.
Kif kienu l-PL, PN, ADPD u partiti oħra fl-aħħar sondaġġ
Il-Partit Laburista esperjenza qabża fl-istħarriġ wara l-baġit iżda dan ma kienx biżżejjed biex jaqbeż lill-Partit Nazzjonalista. Iż-żewġ partiti huma prattikament ras imb ras, bil-PN igawdi minn vantaġġ minimu ta’ punt wieħed.
Il-PN kien qed igawdi l-appoġġ ta’ 46.3% tal-elettorat, filwaqt li l-PL kellu 45.3%. B’hekk kien hemm vantaġġ ta’ punt fuq il-PL fuq turnout proġettat ta’ 70.6%. L-istħarriġ juri wkoll li 8% tal-votanti għażlu partijiet terzi, maqsumin indaqs bejn l-ADPD u formazzjonijiet politiċi oħra