Waqt l-aħħar seminar tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA), id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg talab lill-operat turistiku, b’mod speċjali lil-lukandiera, biex jinvesti iktar bil-għaqal fis-settur tiegħu.
Partikolarment Borg qal li jixtieq jara iktar enfasi fuq is-sostenibbiltà ambjentali, servizzi ta’ kwalità ogħla, u investiment f’sistemi msejsa fuq l-intelliġenza artifiċjali. B’hekk il-futur tal-industrija tat-turiżmu f’Malta jista’ jibqa’ jissaħħaħ.
Fl-istess seminar, li sar nhar it-Tnejn li għadda, tħabbru r-riżultati tal-MHRA BOV Deloitte Q4 2024 Hospitality Performance Survey, stħarriġ tal-industrija tal-lukandi kemm f’Malta u fl-Ewropa.
Skont l-istħarriġ, lukandi ta’ erba’ u ħames stilel raw żieda ta’ 7% fuq kull kamra mis-sena l-oħra ‘l hawn. Barra minn hekk, l-istħarriġ juri li l-livelli ta’ bbukkjar bil-quddiem żdiedu għall-ewwel nofs tas-sena 2025 u li kull turist nefaq 3% iktar fl-2024 mill-2023. Sab ukoll li n-nefqa totali tat-turisti fl-2024 telgħet għal €3.3 biljun—żieda ta’ 23.1%.
Dawn ir-riżultati juru li “s-saħħa finanzjarja tal-industrija tat-turiżmu qed tkompli tissaħħaħ,” stqarr Borg waqt is-seminar. “Dawn ir-riżultati huma xhieda li Malta tibqa’ destinazzjoni li tiġbed it-turisti, filwaqt li jikkonfermaw l-impenn bla heda tal-professjonisti f’din l-industrija, ir-reżiljenza tal-istess industrija, kif ukoll l-abbiltà tagħha li tattira t-turisti, anke f’suq globali li aktar ma jmur aktar qed isir kompetittiv.”
Iżda minkejja r-riżultati pożittivi, Borg sostna li hemm bżonn iktar investiment bi ħsieb fl-industrija, partikolarment il-kwalità, id-diġitalizzazzjoni tas-settur, u s-sostenibbiltà. Is-sostenibbiltà, skont Borg, tista’ ssir waħda mill-prodotti uniċi li jattiraw iktar turisti lejn Malta.
Fil-fatt fisser ruħu billi qal, “bħala destinazzjoni Mediterranja, li nħaddnu turiżmu ambjentalment sostenibbli jista’ jsir wieħed mill-aspetti ewlenin li jattiraw it-turisti lejn pajjiżna.”
Barra minn hekk, investiment fid-diġitalizzazzjoni tal-industrija u fit-titjib tal-kwalità jista’ jwassal biex Malta tikseb vantaġġ kompetittiv fis-settur tat-turiżmu.