Statistika tikkonferma l-isforzi tal-Maltin fejn tidħol is-sostenibbiltà

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi progress sinifikanti fejn jidħol l-immaniġġjar tal-iskart

Il-Maltin naqqsu l-ammont ta' skart domestiku filwaqt li r-riċiklaġġ tal-iskart tal-kostruzzjoni żdied
Il-Maltin naqqsu l-ammont ta' skart domestiku filwaqt li r-riċiklaġġ tal-iskart tal-kostruzzjoni żdied

Statistika ġdida maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li l-gżejjer Maltin qed jagħmlu progress sostanzjali fejn jidħol l-immaniġġjar tal-iskart, partikolarment ir-riċiklaġġ u t-trattament tal-iskart.

Fil-fatt, l-istatistika turi li kien hemm żieda ta’ 3.1% fejn jidħol it-trattament tal-iskart fl-2023. Barra minn hekk, l-istatistika turi wkoll tnaqqis ta’ kważi 10% fejn jidħol l-iskart domestiku.

Kevin Mercieca, il-Kap Eżekuttiv tal-ERA, irreaġixxa għal dawn ir-riżultati pożittivi billi jgħid, “dan huwa sinjal inkoraġġanti li juri kif il-pubbliku qed jadotta aktar prattiċi ta’ tnaqqis u separazzjoni tal-iskart.”

Apparti minn hekk, l-istatistika turi li kulma jmur il-ġenerazzjoni tal-iskart qed titnaqqas fil-pajjiż kif ukoll qed isir titjib fir-riċiklaġġ tal-iskart maħluq mill-kostruzzjoni.

Filwaqt li bejn l-2019 u l-2020 kien hemm ġenerazzjoni ta’ 3.6 miljun tunnellata ta’ skart, dan tnaqqas għal 2.9 miljun tunnellata fl-2023.

Barra dan, mill-kważi 2.2 miljun tunnellata skart iġġenerata mill-industrija tal-kostruzzjoni, 68% tal-iskart ġie rriċiklat filwaqt li 31% intuża għall-backfilling. Dan juri progress sinifikanti meta mqabbel mal-2019 fejn 33% tal-materjal biss kien irriċiklat filwaqt li 66% intuża għall-backfilling.

Dawn it-titjibiet huma konformi mal-Istrateġija tal-Iskart tal-Kostruzzjoni u t-Twaqqigħ. L-istrateġija titfa’ enfasi fuq t-tnaqqis, separazzjoni, u mmaniġġjar xieraq tal-iskart, l-iżvilupp ta' swieq sekondarji, u aktar sforz għar-riċiklaġġ għall-iskart tal-kostruzzjoni u tat-twaqqigħ.

“Bl-iżvilupp kontinwu tal-infrastruttura tat-trattament u r-riċiklaġġ tal-iskart, u żieda fil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fir-rimi tal-iskart b’mod xieraq, Malta qiegħda tagħmel passi kbar lejn il-ħolqien ta’ ekonomija aktar sostenibbli u ċirkolari,” stqarr Mercieca.

More in Politika