Minkejja ż-żieda fir-rapporti, bis-saħħa tal-introduzzjoni tal-mandatory reporting, ir-rapporti dwar tfal li qed jesperjenzaw abbuż kien pjuttost stabbli, qal il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon.
“Minkejja dan, jidher biċ-ċar illi l-każijiet qed ikunu aktar kumplessi u ħafna drabi jkun hemm bżonn ta’ riżorsi u interventi speċjalizzati u multidimensjonali,” huwa żied jgħid.
Din l-informazzjoni ħarġet f’mistoqsija parlamentari mistoqsija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal, Graziella Attard Previ.
Il-Ministru kien mistoqsi dwar ir-raġuni prinċipali għaliex żdiedu l-każijiet riferuti lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Minuri.
Mit-tweġiba tal-Ministru ħareġ li waħda mir-raġunijiet ta’ żieda fir-rapporti hija minħabba miżuri li l-Gvern ħa lura fl-2020, dwar rapportar obbligatorju.
Ir-rapportar obbligatorju huwa kunċett fejn individwi partikolari, li spiss ikunu professjonisti li jkunu f’kuntatt ma’ tfal f’kuntesti informali jew formali, huma obbligati bil-liġi li jirrapportaw kull tagħrif jew suspetti serji ta’ trattament ħażin tat-tfal.
Meta mistoqsi dwar jekk rapportar obbligatorju kienx qed iwassal biex ikun hemm defensive practice u x’inhi tagħmel il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) biex timminimizza dan it-tip ta’ pattrika, il-Minsitru ma weġibx.
Minflok huwa kkummenta li l-iskop tar-rapportar obbligatorju kien li jissaħħaħ l-element ta’ sensibilizzazzjoni u responsabbiltà, fejn professjonisti u individwi li jaħdmu mat-tfal għandhom l-obbligu li jirrapportaw każijiet t’abbuż biex il-protezzjoni tal-minuri tkun imsaħħa u mtejba iktar.
Żied jgħid li minkejja li linji gwida jinsabu għad-dispożizzjoni tal-esperti b’mod diġitali, il-ministeru qed jiltaqa’ ma’ sitwazzjonijiet fejn professjonijiet jirrapportaw immedjatament mingħajr l-informazzjoni neċessarja biex id-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal ikun jista’ jagħmel l-investigazzjoni meħtieġa.
“Sabiex tiġi indirizzata din il-possibbiltà, id-Direttorat waqqaf servizz ta’ konsultazzjoni interna fejn kull professjonist jista’ jikkonsulta u jiġi ggwidat minn espert fil-protezzjoni tal-minuri.”
Intant, Falzon qal ukoll li fost ir-rapporti li jirċievi d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Minuri qed jiġi nnutat li qed jiżdiedu r-rapporti fejn hemm; diżgwid relazzjonali bejn il-ġenituri, sitwazzjonijiet multikulturali li jġibu magħhom sfidi varji u anke, diffikultajiet fir-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, partikolarment meta jaslu fl-età tal-adolexxenza.
Il-maġġoranza tal-każijiet huma Maltin
Il-Ministru kien mitlub mill-istess membru parlamentari biex jiftaħ aktar dwar il-każijiet riferuti lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Minuri mill-bidu tas-sena 2024 sal-ġurnata li fiha ġiet imwieġba l-mistoqsija parlamentari u kemm minn dawk il-każijiet kienu marbuta ma’ tfal mhux Maltin.
Skont iċ-ċifri mqiegħda fuq il-mejda tal-Kamra, minn total ta’ 945 każ, 773 huma ta’ tfal Maltin, 167, huma ta’ tfal mhux Maltin, u ħamsa huma każijiet fuq tfal mhux imwielda.
“Fost il-‘mhux Maltin,’ kien hemm 10 jfittxu l-ażil, 12 li kellhom status ta’ refuġjat u tlieta bi status ta’ protezzjoni sussidjarja.”
Falzon temm billi fakkar li l-FSWS tippubblika l-istatistika uffiċjali tagħha darbtejn fis-sena. F’April/Mejju għax-xhur Jannar-Diċembru tas-sena preċedenti u f’Settemrbu/Ottubru għax-xhur Jannar-Ġunju tas-sena kurrenti.
Għall-fini ta’ din il-mistoqsija, il-Ministru wieġeb b’informazzjoni sal-aħħar ta’ Ġunju 2024.