Żieda ta’ 89 vettura elettrika biss fit-toroq Maltin fl-2024

Żieda ta’ 89 vettura elettrika u żieda ta’ 2,689 vettura hybrid ta’ għamliet differenti fl-2024 • Approvati 3,183 applikazzjoni għal sussidji għal vetturi elettriċi ġodda fl-2024

Fl-aħħar tal-2024 kien hemm numru ikbar ta’ vetturi elettriċi u hybrid fit-toroq Maltin imqabbel mal-istess żmien fl-2023, qal il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonnet. 

B’kollox kien hawn 13,081 vettura elettrika u total ta’ 14,789 vettura hyrid ta’ għamla differenti (mild hybrids u plug-in hybrids) sal-aħħar tal-2024 filwaqt li fl-istess perjodu fl-2023 kien hemm 12,992 vettura elettrika u total ta’ 12,100 vettura hybrid ta’ għamla differenti. 

Dawn iċ-ċifri ġew ikkwotati fil-Parlament wara li l-Ministru ġie mistoqsi mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo. 

Inizjalment iċ-ċifri ġew ippubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fil-5 ta’ Frar, 2025. 

l-karozzi elettriċi żdiedu biss b’89 mill-2023 sal-2024 iżda kien hemm żieda ta’ 2,689 vettura hybrid fl-istess żmien
l-karozzi elettriċi żdiedu biss b’89 mill-2023 sal-2024 iżda kien hemm żieda ta’ 2,689 vettura hybrid fl-istess żmien

L-Uffiċċju qal ukoll li “vetturi oħra li jitħaddmu bʼmagni tal-elettriku u plug-in hybrid kienu jġibu 4.0 fil-mija tal-istokk kollu u kienu jgħoddu 17,759 vettura. Meta mqabblin mat-tliet xhur taʼ qabel, żidiet taʼ 13.5 fil-mija, 4.7 fil-mija u 3.7 fil-mija kienu rreġistrati fl-għadd taʼ vetturi li jitħaddmu bl-elettriku, vetturi mild hybrid li jitħaddmu bil-petrol u l-elettriku, u vetturi mild hybrid li jitħaddmu bid-diesel u l-elettriku, rispettivament.” 

B’hekk jidher illi, mill-2023 sal-2024, kien hemm żieda ta’ 89 vettura elettrika, jew żieda ta’ 0.69%, u żieda ta’ 2,689 vettura hybrid ta’ għamliet differenti, jew żieda ta’ 22.22%. 

Fejn jidħlu l-għamliet differenti ta’ vetturi hybrid, jidher illi l-akbar żieda kienet fil-vetturi mild hybrid li jitħaddmu bil-petrol u l-elettriku li minn 7,712-il vettura fl-2023 dawn żdiedu għal 9,696 fl-2024. Warajhom hemm il-vetturi plug-in hybrid li jitħaddmu bil-petrol u l-elettriku li minn 3,991 vettura fl-2023 dawn żdiedu għal 4,605 fl-2024. 

Wara dawn kien hemm it-tielet l-akbar żieda li kienet fil-vetturi mild hybrid li jitħaddmu bid-diesel u l-elettriku li minn 344 fl-2023 żdiedu għal 424 fl-2024. Fl-aħħar kien hemm żieda fil-vetturi plug-in hybrid li jitħaddmu bid-diesel u l-elettriku li minn 53 fl-2023 żdiedu għal 73 fl-2024. 

“3,183 applikazzjoni għall-iskemi ta’ sussidji għal vetturi elettriċi ġodda” approvati fl-2024 

Jidher illi ż-żieda sinifikanti fin-numru ta’ karozzi elettriċi u vetturi mild hybrid hija influwenzata mill-iskema tas-sussidji għal karozzi elettriċi, skont informazzjoni mogħtija minn Bonett. 

Meta kien mistoqsi mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għat-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika Eve Borg Bonello dwar l-iskema fl-2024, Bonett wieġeb li “bejn Jannar u Settembru tas-sena 2024 ġew approvati 3,183 applikazzjoni għall-iskemi ta’ sussidji għal vetturi elettriċi ġodda li jammonta għal total ta’ €25.5.” 

More in Politika