Momentum jipproponi riformi legali biex ikunu protetti hackers etiċi

Il-Partit Momentum jgħid li hemm bżonn ta’ liġi li tipproteġi lill-hackers etiċi, wara li tliet studenti u lettur ġew akkużati b’hacking, wara li kixfu difetti fl-applikazzjoni tal-istudenti FreeHour

(Ritratt: mill-arkivji)
(Ritratt: mill-arkivji)

Il-Partit Momentum ippropona riformi legali li tipproteġi lill-hackers etiċi wara li tliet studenti u l-lettur tagħhom ġew akkużati b’hacking malizzjuż fil-qorti.

“Il-qafas legali ta’ bħalissa huwa fundamentalment difettuż u għandu jiġu aġġornat b’mod urġenti biex jiġu protetti prattiċi ta’ ċibersigurtà etiċi,” qal is-segretarju ġenerali tal-partit Mark Camilleri Gambin.

L-istqarrija ħarġet wara li l-istudenti u l-lettur ġew akkużati b’hacking malizzjuż tal-ikbar applikazzjoni studenteska ta’ Malta, FreeHour, iktar minn sentejn wara li rrappurtaw vulnerabbiltajiet fis-sigurtà tal-applikazzjoni.

Camilleri Gambin esprima t-tħassib tiegħu billi qal, “minflok ma rrikonoxxew il-kontribuzzjoni tagħhom u indirizzaw id-difetti fis-sigurtà tal-applikazzjoni, FreeHour irrikorriet għal azzjoni legali, li rriżultat fl-arrest u l-prosekuzzjoni ta’ dawn l-individwi.”

Huwa wkoll argumenta li l-hacking etiku huwa essenzjali fis-salvagwardja tal-infrastruttura diġitali tagħna.

B’hekk qal li l-liġi għandha tinbidel ħalli jkun hemm distinzjoni bejn hacking malizzjuż u dak etiku. Barra minn hekk qal li hackers etiċi għandhom jiġu protetti u li l-kumpaniji għandhom ikunu inkoraġġiti biex jaħdmu magħhom ħalli jsaħħu ċ-ċibersigurtà tagħhom.

Qal ukoll li l-akkużi għandhom jaqgħu u li għandhom jiġu implementati linji gwidi u sett tal-aħjar prattiċi biex il-hackers etiċi u l-kumpaniji jkunu jistgħu jaħdmu flimkien kif suppost.

“Nemmnu li t-trawwim ta’ kultura ta’ kollaborazzjoni bejn il-kumpaniji u l-hackers etiċi huwa essenzjali biex insaħħu ċ-ċibersigurtà ta’ Malta,” stqarr is-segretarju ġenerali.

Camilleri Gambin temm l-istqarrija tiegħu billi qal li prattiċi li etikalment jesponu diffeti fiċ-ċibersigurtà huma normali fl-industrija kollha.

“Il-prosekuzzjoni ta’ dawk ta’ rieda tajba jibgħat messaġġ perikoluż u jiskoraġixxi l-kxif responsabbli tal-vulnerabbiltajiet fil-programmi,” żied jgħid is-segretarju ġenerali.

More in Politika