Il-Partit Nazzjonalista qed jakkuża lill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia li mhux iwettaq xogħlu kif inhu xieraq u li saħansitra qed ikun ta’ ostaklu għat-tħaddim tad-demokrazija.
“Il-poplu Malti jixraqlu jkun rappreżentat f’Parlament li jitmexxa b’mod imparzjali, serju u demokratiku, u mhux b’għamad politiku u fl-interessi partiġjani tal-partit fil-Gvern,” stqarr il-PN.
Fl-istess nifs qalu li kienu bosta drabi li l-Ispeaker b’mod preġudikat kontra l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt akkużaw lill-Ispeaker li ħafna drabi jagħti deċiżjonijiet li m’għandhomx konsistenza bejniethom u li “jmorru kontra l-ispirtu u l-ħsieb tal-Ordnijiet Permanenti, il-modi, l-użanzi u drawwiet tal-Parlament Malti”.
Il-PN qalu wkoll li kemm-il darba ċaħad talbiet għal diskussjoni urġenti fil-Parlament, inklużi l-każ ta’ Jean Paul Sofia; il-każ tal-Vitals u Steward Healthcare; il-każ tas-serqa tad-drogi mill-Forzi Armati ta’ Malta’; il-falliment u x-xoljiment tal-Air Malta; ir-rapport tal-Ombudsman dwar l-abbużi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u l-14-il persuna li mietu waqt li kienu taħt il-kustodja tal-Istat; u r-riżenja jew it-tkeċċija tal-eks Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta u ta’ Ronald Mizzi minn Segretarju Permanenti.
L-Oppożizzjoni akkużat lill-Ispeaker ukoll li kemm-il darba ħasel idejh minn deċiżjonijiet fil-konfront tal-Prim Ministru, Ministri u Segretarji Parlamentari dwar ksur tal-kodiċi tal-etika billi jew jastjeni jew jivvota kontra l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet.
Fl-istess ħin, akkużawh ukoll li ħasel idejh meta mistoqsijiet parlamentari ma twiġbux fil-ħin u meta l-ministri ma poġġewx kopja tad-dokumenti fuq il-mejda tal-kamra.
“Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista jqis dan kollu bħala abbuż li m’għandux ikun ittollerat jew issanzjonat f’demokrazija,” stqarret l-Oppożizzjoni.
Għalhekk il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qed jitlob laqgħa mal-Ispeaker ħalli jitolbu mingħandu rimedji u azzjonijiet immedjati għal dawn in-nuqqasijiet.
“Huwa tassew kundannabbli li l-Prim Ministru Robert Abela qed jagħmel bħall-predeċessur tiegħu u qed ikompli juża u jikkontrolla lill-Ispeaker Anġlu Farrugia biex jipprova jsikket u jfixkel lill-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista fil-qadi tad-doveri kostituzzjonali tagħhom bħala Oppożizzjoni,” temm il-PN.