Il-PN jakkuża lill-gvern li qed jipprova 'jagħlaq ħalq l-oppożizzjoni'

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-gvern qed jipprova jsikket l-oppożizzjoni għax 'mhux kuntent jara l-Partit Nazzjonalista jissaħħaħ'

(Ritratt: Partit Nazzjonalista/Facebook)
(Ritratt: Partit Nazzjonalista/Facebook)

Il-Mexxej tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech akkuża lill-gvern li qed "jipprova jagħlaq ħalq l-oppożizzjoni fil-Parlament", minħabba l-fatt li, skont Grech, il-gvern mhuwiex kuntent jara l-oppożizzjoni jissaħħaħ.

F'kumment qasir fuq in-NET, Grech ċanfar lill-gvern għax qal li minflok ma jindirizzaw kwistjonijiet li qed jinkwetaw lin-nies, qed juża l-poter tiegħu biex isikket l-oppożizzjoni.

Fil-fatt, Grech irrefera għall-protesta li seħħet fil-Belt Valletta fejn in-nies inġabru biex "juru biċ-ċar li mhumiex kuntenti bl-affarijiet kif sejrin."

Ir-reazzjoni tal-gvern, qal il-kap tal-PN, kienet li "jressaq 'il quddiem biex jipprova jagħlaq ħalq l-oppożizzjoni".

"Grupp kumpatt, grupp b'saħħtu fl-oppożizzjoni se jibqa' jkun il-vuċi tal-poplu," qal Grech biex juri li l-PN mhux ħa jkun intimidat. "Se nkunu u se nibqgħu nkunu dak il-partit li noffru alternattiva lill-poplu Malti u Għawdxi."

Grech qal ukoll li anka l-partitarji Laburisti qed jaqtgħu qalbhom mill-gvern. Talab ukoll biex in-nies jagħtu d-donazzjonijiet lill-PN waqt il-maratona ġbir tal-fondi li se seħħet nhar il-Ħadd li għadda.

Il-ġimgħa l-oħra, il-gvern ressaq mozzjoni parlamentari li kkundannat l-attitudni tal-oppożizzjoni fir-rigward tal-Ispeaker Anġlu Farrugia.

Barra minn hekk, il-mozzjoni weriet ukoll solidarjetà mal-Ispeaker u kkundannat "l-imġieba aggressiva" tal-membru parlamentari Nazzjonalist Karol Aquilina. Il-mozzjoni qalet li Aquilina esaġera meta għajjar lill-Ispeaker "bla mistħija, oxxen, u bla moħħ, u li jmissu jpoġġi fuq in-naħa tal-gvern."

More in Politika