
Il-każ tal-Vitals f'pożizzjoni prekarja hekk kif l-espert forensiku jirrifjuta jixhed
Il-każ tal-Vitals: ir-rifjut bla preċedent tal-espert tal-qorti Jeremy Harbinson biex jixhed jaf iwaqqa' l-każ kontra Joseph Muscat u l-bqija tal-akkużati • Harbinson kien accountant forensiku li xogħlu huwa l-bażi tal-akkużi ta’ korruzzjoni u l-ħasil ta’ flus

minn Sean Fenech

Ir-rifjut kontinwu tal-accountant forensiku Jeremy Harbinson biex jidher fil-qorti u jixhed dwar ir-rapport tiegħu fl-inkjesta tal-Vitals jista’ jdgħajjef il-każ tal-prosekuzzjoni kontra Joseph Muscat u oħrajn.
Ir-rifjut ta’ Jeremy Harbinson li jiġi Malta u jitla’ jixhed jista’ jagħmel ħsara lill-każ, speċjalment jekk il-qorti tiddeċiedi li tneħħi r-rapport tiegħu mill-atti.
Jekk jiġri hekk, il-prosekuzzjoni titlef is-sors ewlieni ta’ evidenza li fuqha bnew l-akkużi kontra l-akkużati kollha fil-każ.
Dan ma jwassalx biss għal konsegwenzi legali iżda wkoll konsegwenzi politiċi.
Harbinson kien maħtur espert tal-qorti mill-Maġistrat Gabriella Vella, li mexxiet l-inkjesta tal-Vitals. Harbinson mexxa tim ta’ 30 espert li pproduċew rapport dettaljat li analizza dokumenti ta’ kumpaniji, tranżazzjonijiet bankarji u komunikazzjonijiet elettroniċi. Dan ir-rapport ta’ 1,200 paġna kien l-unika il-bażi fuqiex straħu l-konklużjonijiet tal-maġistrat.
L-inkjesta tal-Vitals irrakkomandat azzjoni kriminali kontra l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-eks ministru Konrad Mizzi, u l-eks Chief of Staff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri fuq akkużi ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus. L-inkjesta ħarġet ukoll rakkomandazzjonijiet li jitressqu fuq akkużi inqas serji l-eks ministri Edward Scicluna u Chris Fearne, kif ukoll tliet eks segretarji permanenti. Bosta propjetarji ta’ kumpaniji Maltin u barranin, kif ukoll l-accountants u l-avukati tagħhom, ukoll ġew mixlija b’diversi reati, inkluż il-ħasil ta’ flus. L-akkużati kollha wieġbu li mhumiex ħatja.
Madankollu, Harbinson, li minn dakinhar ċeda l-warrant tiegħu ta' accountant, qed jirrifjuta li jiġi jixhed dwar il-konklużjonijiet tiegħu.
Dil-kwistjoni kollha bħalissa għaddejja quddiem l-Imħallef Edwina Grima, li qed tisma’ kawża fejn l-akkużati qed jisfidaw l-ordnijiet tal-iffriżar tal-assi. Muscat, pereżempju, għandu mat-€30 miljun iffriżat. Uħud mill-akkużati l-oħrajn kellhom ukoll mal-miljuni ffriżati.
Fil-każ ta' Muscat, l-avukati tiegħu qed jgħidu li l-ammont iffriżat għandu jkun ibbażat fuq is-€60,000 imsemmijin fl-inkjesta. Argumenti simili qed isiru mill-akkużati l-oħrajn.
Imbeżża' biex jerġa' lura Malta
Iżda fil-proċeduri li għaddejjin, il-qorti s'issa ċaħdet it-talbiet tad-difiża biex Harbinson jiġi interrogat.
F’affidavit mibgħut b'email lill-imħallef x-xahar li għadda, Harbinson iddikjara li "qatt mhu se jirritorna Malta" minħabba kwistjonijiet ta’ sigurtà, mingħajr ma speċifika x’inhuma.
Aktar minn hekk, Harbinson sostna li r-rapport tiegħu ma jsemmi l-ebda akkuża kriminali jew ordni ta’ ffriżar tal-assi. Skontu, ir-rapport ma kellux jinqasam ma’ partijiet terzi mingħajr permess u ma kellux jintuża għal skopijiet biex jipproċedu kontra n-nies.
Qal ukoll li mill-esperjenza twila li għandu ta' investigazzjonijiet kriminali fir-Renju Unit, huwa stenna li jekk jinħarġu proċedimenti kriminali mill-inkjesta, l-esperti professjonali jiġu kkonsultati mill-pulizija u mill-prosekuturi dwar dawn il-proċedimenti. Dax-xogħol, żied jgħid, ikun parti minn kuntratt kummerċjali separat.
Skont il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard, Harbinson tħallas madwar €10 miljun għax-xogħol tiegħu fl-inkjesta ta’ Vitals.
Minkejja dawn l-argumenti, il-liġi tobbliga lill-esperti tal-qorti jixhdu dwar ir-rapporti tagħhom. Ir-rifjut tiegħu jċaħħad lill-akkużati mid-dritt tagħhom li jinterrogawh. Huwa mifhum li ċ-ċaħda ta' Harbinson irrabjat lill-maġistrat inkwerenti li appuntatu għall-għarfien espert tiegħu.
M'hemm l-ebda għażla oħra
Filwaqt li l-imħallef għad trid tiddeċiedi, xi avukati tad-difiża talbu biex ir-rapport ta’ Harbinson ma jiġix ikkunsidrat jekk ma jixhidx. Il-pass li jmiss huwa li r-rapport jintalab biex jitneħħa mill-atti tal-każ.
Jekk is-sitwazzjoni tibqa’ hekk, l-imħallef mhu ħa jkollha l-ebda għażla oħra.
"L-imħallef mhu ħa jkollha l-ebda għażla oħra ħlief li tneħħi r-rapport ta' Harbinson mill-atti tal-każ sakemm id-difiża ma tingħatax l-opportunità tinterrogah. Id-deċiżjoni tagħha ħa taffettwa wkoll il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-qorti maġisterjali," qal avukat qrib ta' wieħed mill-akkużati lill-MaltaToday.
L-avukat qal li l-qorti tista’ saħansitra toħroġ mandat ta’ arrest internazzjonali kontra Harbinson, iżda dan biss ikompli jtawwal il-proċess legali. "Fl-affidavit tiegħu, Harbinson qal li r-rapport suppost kien preliminarju biss u m'għamel l-ebda referenza għal akkużi kriminali jew ordnijiet ta' ffriżar. Allura anka jekk iġibuh jixhed taħt l-arrest, jista' xorta jirrifjuta li jikkoopera."
Ir-rifjut li wieħed jixhed jista’ jwassal għal pieni kriminali, inkluż multa jew massimu ta’ tliet xhur ħabs. Jekk jiġri hekk, il-każ tal-prosekuzzjoni jkun serjament iddgħajjef.
Sitwazzjoni bla preċedent
Avukat ieħor li m’għandux konnessjoni mal-każ tal-Vitals u b’30 sena esperjenza qal li r-rifjut ta’ Harbinson li jixhed huwa mingħajr preċedent.
“Qegħdin f'sitwazzjoni bla preċedent. Qatt ma ltqajt ma’ każ fejn espert tal-qorti rrifjuta li jixhed, iżda l-qorti għandha bosta setgħat li tista' tuża biex tara li l-espert jixhed xorta,” qal dan l-avukat lill-MaltaToday.
Huwa qal li jista’ jkun għadu wisq kmieni biex ngħidu li l-każ kriminali ġie imminat, iżda insista li kwalunkwe deċiżjoni biex ir-rapport jew partijiet minnu jiġu mħassra se ddgħajjef il-każ tal-prosekuzzjoni.
“Jekk il-każ jasal fil-punt fejn ir-rapport ta’ Harbinson għandu jitħassar, il-prosekuzzjoni tista’ targumenta li għandhom jitneħħew biss il-konklużjonijiet u l-osservazzjonijiet tiegħu, iżda mhux l-informazzjoni li fuqha huma bbażati. Madankollu, dan xorta se jdgħajjef il-każ tal-prosekuzzjoni,” qal l-avukat.
Il-każ tal-Vitals ħasad l-istabbiliment politiku hekk kif nies ta' karigi għoljin spiċċaw akkużati b'reati serji. Din hija l-ewwel darba li eks prim ministru ta' Malta ġie mixli b’akkużi kriminali.
Il-proġett fil-qalba tal-kontroversja
Il-konċessjoni tal-isptarijiet lil Vitals kienet waħda mill-proġetti ewlenin tal-ewwel amministrazzjoni ta’ Muscat. Permezz tagħha, tliet sptarijiet pubbliċi – San Luqa, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, u Karin Grech – ġew ittrasferiti lil Vitals Global Healthcare fl-2015 meta Konrad Mizzi kien il-Ministru tas-Saħħa.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) sab li kien hemm “kollużjoni” bejn ir-rappreżentanti tal-gvern u x-shareholders tal-VGH qabel il-konċessjoni ma ġiet mogħtija.
Meta VGH ma rnexxiliex twettaq l-obbligi kuntrattwali tagħha, il-konċessjoni ngħatat lill-kumpanija Amerikana Steward Health Care fl-2018 mminflok. Dat-trasferiment seħħ meta Chris Fearne kien Ministru tas-Saħħa, iżda dak kollu marbut mal-konċessjoni baqa' f'idejn Mizzi.
L-NAO ddeskriva dan l-arranġament bħala “dinamika stramba” peress li ċaħħad lil Fearne mill-kapaċità li jinnegozja ma’ Steward. F’ħin minnhom, il-kap eżekuttiv ta’ Steward, Armin Ernst, saħansitra staqsa lil Schembri jekk kellux jaqsam informazzjoni ma’ Fearne.
Matul dak il-perjodu, Steward ma rnexxilhiex twettaq il-miri ewlenin tal-kuntratt hekk kif ippruvat tinnegozja pakkett aktar ġeneruż mal-gvern.
Ta' min ngħidu li f’Awwissu tal-2019, Mizzi kien qabel ma’ Steward minn wara dahar il-Kabinett li jekk il-kuntratt jitħassar mill-qrati, il-gvern ikun obbligat iħallas lill-kumpanija €100 miljun. Dan l-arranġament kien sar fil-kuntest ta’ kawża legali li kien beda l-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien, Adrian Delia, biex il-kuntratt tal-isptarijiet jitħassar.
Fl-istess żmien, Ernst kien ordna l-ħolqien ta’ fond mal-kumpanija Żvizzera Accutor biex jappoġġja “attivitajiet u interazzjonijiet politiċi u governattivi.”
L-inkjesta maġisterjali li nbdiet mir-Repubblika s-sena l-oħra żvelat li Muscat kien irċieva xi pagamenti minn Accutor għall-konsulenza li kien għamel wara li rriżenja minn prim ministru. Muscat sostna li ddikjara l-pagamenti u li dawn m’għandhom l-ebda rabta ma’ xi proġett f’Malta.
Eventwalment, il-Qorti Ċivili ħassret il-konċessjoni tal-isptarijiet, billi ddikjarat li l-ftehim kien frawdolenti u li persuni b'karigi għolja fil-gvern kienu kompliċi. Il-qorti ordnat li l-isptarijiet jingħataw lura lill-gvern.
L-inkjesta maġisterjali ġiet konkluża s-sena l-oħra u rrakkomandat li jitressqu akkużi kriminali kontra diversi persuni u kumpaniji involuti fil-ftehim tal-Vitals.
Il-pulizija u l-Avukat Ġenerali użaw s-sejbiet tal-inkjesta mingħajr ma wettqu aktar investigazzjonijiet jew interrogazzjonijiet, u ħarrku lil kull min ġie indikat mill-maġistrat.
Il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-każijiet kollha għadha għaddejja.