Robert Abela jgħid li l-inkjesta tas-serqa tal-kannabis se toħroġ illum

L-inkjesta kellha tinvestiga jekk kienx hemm xi nuqqasijiet amministrattivi fil-proċess taż-żamma tad-drogi kif ukoll tagħti xi rakkomandazzjonijiet biex dawn jiġu indirizzati

(Ritratt: James Bianchi/ILLUM)
(Ritratt: James Bianchi/ILLUM)

L-inkjesta tas-serqa tal-kannabis mill-propjetà tal-Forzi Armati ta’ Malta għandha tiġi ppubblikata aktar tard it-Tlieta, qal il-Prim Ministru ta' Malta Robert Abela.

L-inkjesta amministrattiva, li qed titmexxa mill-eks imħallef Geoffrey Valenzia, kellha tinvestiga għaliex aktar minn 100kg ta’ kannabis li nqabdet fil-Port Ħieles kien qed jinżamm f’faċilità tal-AFM f’Ħal Safi.

Barra minn hekk, l-inkjesta wkoll kellha tindaga dwar x’miżuri ttieħdu biex id-droga tinżamm b’mod sigur, u kif l-AFM, il-Port Ħieles u entitajiet oħra kkoordinaw matul dan il-proċess. Fl-istess ħin, Valenzia kellu wkoll jissuġġerixxi xi soluzzjonijiet għal kwalunkwe nuqqas regolatorju jew amministrattiv li jkun skopra.

Għall-bidu, l-inkjesta kellha titlesta fi tliet ġimgħat iżda l-imħallef talab għal estensjoni ta' ftit jiem oħra.

F'tweġibiet li ta lill-ġurnalista nhar it-Tlieta, Abela qal biss li l-inkjesta se tiġi ppubblikata interament aktar tard matul il-ġurnata. “Ir-rapport wasal f’idejja aktar kmieni llum. Se nippubblikah wara li neżaminah,” qal Abela.

Fl-24 ta' Frar seħħet serqa ta' iktar minn 100kg ta' raża tal-kannabis minn propjetà tal-AFM f'Ħal Safi. Sitt persuni ġew akkużati b’rabta ma' dis-serqa, fejn l-akkużati kienu fil-post għal sagħtejn mingħajr ħadd ma induna. Fil-fatt, indunaw bis-serqa nstabet waqt spezzjoni tal-faċilità aktar tard dak l-istess lejl.

Il-kmandant tal-AFM, Clinton O’Neill, kien immedjatament sospiż b’nofs paga.

More in Politika