Grupp ta’ Progressivi jeżiġu kjarifika mingħand Prim Ministru fuq in-newtralita’

Waqt konferenza stampa, nies mill-ispettru xellugi jibagħtu ittra lill-Robert Abela rigward il-kummenti li għadda it-Tnejn 3 ta’ Frar fuq it-tibdiel tal-klawsoli tan-newtralita’

Ritratt: Christine Cassar
Ritratt: Christine Cassar

Konferenza stampa mmexxija minn Christina Cassar, Andre Callus u Yana Mintoff ippreżentat ittra ffirmata minn iżjed minn 60 persuna, li tinkludi mistoqsijiet għall-Prim Ministru Robert Abela. Dawn il-mistoqsijiet jitolbu kjarifika fuq li qal Abela rigward il-ħtieġa ta’ diskussjoni pubblika fuq il-possibilita’ ta’ tibdil fil-klawżoli tan-newtralita’ fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.

“Liema huma dawk il-kunflitti preżenti jew futuri (li rrefera għalihom il-Prim Ministru) li jistgħu jirrikjedu li l-ogħla liġi tal-pajjiż tiġi mibdula jew interpretata mill-ġdid?” tistaqsi din l-ittra. Il-konferenza qed tenfassiza id-dmir tal-Gvern li jkollu pożizzjoni konċiża fuq in-newtralita’ ta’ malta, speċjalment fis-sitwazzjoni politika internazzjonali kurrenti.

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem mal-midja Maltija wara laqgħa tal-mexxejja Ewropej fi Brussell, fejn hu ħasad pajjiż b’li qal fuq in-newtralita’ kostituzzjonali. Hu qal li għandu jkun hemm diskussjoni nazzjonali fuq jekk in-newtralita’ kostituzzjonali mhux ħa tibqa valida waqt kunflitti preżenti u dak futuri.

“Tista’ tagħtina assigurazzjoni li, mhux biss Malta mhux se tkun tagħmel parti minn xi armata futura Ewropea jew li tintroduċi miżuri bħal-lieva, imma wkoll li mhux se tipprovdi għajnuna jew faċilitajiet lil xi qawwa barranija, alleanza militari jew armata Ewropea futura għal kwalunkwe intervent militari li jistgħu jkunu involuti fih fi kwalunkwe pajjiż terz?” staqsew is-60 individwi li ffirmaw din l-ittra.

Abela afferma li Malta mhux ħa tinvesti f’armamenti, wara li ffirma flimkien ma’ 26 mexxej Ewropej favur li tgħaddi l-pjan li ħa jżied l-investiment militari fl-UE. Huwa għamel referenza għan-newtralita’ ta’ Malta u qali li Malta dejjem ħa tibqa’ taħdem favur il-paċi u mhux gwerra. 

“Temmen li s-siġurtà ta’ Malta tkun servuta bl-aħjar mod jekk pajjiżna – bil-liġi jew fil-prattika – jipparteċipa f’alleanza militari? Ma taħsibx li sħubija bħal din, legalment jew fil-prattika, tkun qed iżżid il-probabbiltà li gruppi militari oħra jarawna bħala objettivi militari leġittimi, peress li jqisuna bħala kollaboraturi ta’ pajjiżi/alleanzi militari kontrihom?” tkompli tistaqsi l-ittra.

Il-Prim Ministru wieġeb din l-ittra, b’impenn favur in-newtralita’. Il-konferenza ħeġġet lill-Prim Ministru sabiex jagħmel din l-ittra pubblika hekk kif l-għan ta’ din l-ittra hi li tneħħi l-ambigwita’ li ħalliet l-istqarrija t’ Abela u għalhekk l-ittra tibda bil-mistoqsija: “Speċifikament, liema huma l-ħtiġijiet li jirrikjedu li ssir diskussjoni fuq il-klawsoli dwar in-Newtralità fil-Kostituzzjoni?”

More in Politika