Repubblika tikkundanna l-istqarrijiet 'estremi' ta' Robert Abela

L-għaqda ċivili kontra l-korruzzjoni takkuża lill-Prim Ministru ta' Malta Robert Abela li qed "jingħaqad mal-lemin estrem biex jitnawru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem"

Il-Prim Ministru tal-Italja Giorgia Meloni (xellug) u l-Prim Ministru ta' Malta Robert Abela (lemin) (Ritratt: Repubblika)
Il-Prim Ministru tal-Italja Giorgia Meloni (xellug) u l-Prim Ministru ta' Malta Robert Abela (lemin) (Ritratt: Repubblika)

L-organizzazzjoni nongovernattiva Repubblika kkundannat id-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela fejn iddikjara li l-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem skadew u li hemm bżonn jiġu aġġornati skont ir-realtà tal-migrazzjoni llum.

"II-Prim Ministru ta' Malta qed jabbanduna deċenji ta' konsensus fil-politika domestika u barranija ta' Malta u jingħaqad mal-lemin estrem biex jitnawru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem," qalet l-għaqda ċivili. "Il-Prim Ministru qed jargumenta li drittijiet eżistenti issa għandhom jitneħħew biex il-gvern ikun jista' jwettaq għemil sal-lum meqjus illegali."

Repubblika kompliet billi tgħid li d-drittijiet tal-bniedem huma fundamentali, inaljenabbli, u universali, jiġifieri japplikaw għal kwalunkwe bniedem ikun min ikun. Jiġifieri tkun xi tkun ir-razza, nazzjonalità, ċittadinanza, reliġjon, etniċità, ġeneru, jew kwalunkwe karatteristika oħra, dawn id-drittijiet japplikaw xorta.

Intant, l-għaqda ċivili spjegat li ċ-ċaħda ta' dawn id-drittijiet twassal għal trattament inuman tal-vittmi u għemil brutali minn dawk fil-poter. Id-drittijiet tal-bniedem mhumiex xi privileġġ mogħti mill-gvern li jista’ jiġi rtirat meta l-politika tinbidel.

Barra minn hekk, Repubblika akkużat lil Abela b'"injoranza grassa tal-fatti storiċi" għax il-Konvenzjonijiet tad-Drittijiet tal-Bniedem inkitbu fil-kuntest ta' dinja li għadha kif għaddiet mit-Tieni Gwerra Dinjija u l-Olokawst Nażista u b'hekk ir-realtajiet tal-migrazzjoni u l-persekuzzjoni kienu ċari.

Apparti hekk, Repubblika qalet li l-konvenzjonijiet ma ħolqux drittijiet ġodda, iżda saħħew dawk li ilhom rikonoxxuti għal sekli sħaħ, inklużi l-libertà tal-espressjoni, d-dritt għall-ħajja, u d-dritt għall-kenn meta wieħed jaħrab mill-persekuzzjoni. B'hekk, il-konvenzjonijiet stabbilixxew liġijiet internazzjonali biex ma jkunx hemm abbuż tal-poter fuq persuni li m'għandhomx l-istess poter.

U apparti l-konvenzjonijiet, l-għaqda qalet ukoll li parti qadim tal-kultura Mediterranja hija l-obbligu li jissalvaw il-ħajjiet tan-nies fil-periklu li jegħrqu.

"Robert Abela jrid li dawn il-liġijiet internazzjonali jinbidlu biex ikun jista' jagħmel dak li llum ma jistax: li jwettaq ħruxijiet fuq il-vittmi li qed jagħżel," qalet l-għaqda ċivili. "Jekk Robert Abela jista' jibdel il-liġi biex iċaħħad id-drittijiet ta' Afrikani, ma jżommu xejn biex għada jibdel il-liġijiet biex iċaħħad id-drittijiet ta' kull min idejqu."

Iżda l-organizzazzjoni qalet ukoll li Abela mhuwiex l-uniku mexxej fid-dinja li qed jabbanduna n-normi demokratiċi peress li uwa stess irrikonoxxa li jaqbel mal-politiki ta’ gvernijiet oħra tal-lemin, inkluż dawk estremi.

Repubblika temmet billi qalet, "aħna nirrespinġu dan l-estremiżmu ta' Robert Abela u nappellaw lil kull persuna li tgħożż id-demokrazija u kull persuna ta' fehma moderata u progressiva li ġġedded il-konsensus f'pajjiżna li d-drittijiet fundamentali tal-bniedem m'għandu jkun jista' jgħaffiġhom ħadd."

More in Politika