Skont l-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru, aktar minn 80% tal-Maltin jemmnu li l-Unjoni Ewropea (UE) għandha tkun iktar involuta fid-difiża. Din iċ-ċifra hija ferm ogħla mill-medja Ewropea, fejn żewġ terzi tal-Ewropej jgħidu li hemm bżonn iktar proattività mill-UE fejn tidħol id-difiża.
Is-sondaġġ ikkonferma li 66% taċ-ċittadini Ewropej jixtiequ jaraw l-UE tkun iktar b'saħħitha fejn jidħlu kriżijiet globali u riskji ta’ sigurtà. Ħareġ ukoll illi dat-twemmin huwa aktar b’saħħtu fost iż-żgħażagħ. Min-naħa tagħna, 82% tal-parteċipanti Maltin f'dal-istħarriġ qalu li l-UE għandha tissaħħaħ f’dan ir-rigward.
F'reazzjoni għal dawn iċ-ċifri, il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, iddeskriviet ir-riżultati tas-sondaġġ bħala “sejħa ċara għall-azzjoni” u wissiet li jekk l-Ewropa ma tistax issaħħaħ l-irwol tagħha llum, "tirriskja li tkun injorata għada."
L-istħarriġ wera wkoll appoġġ rekord għas-sħubija fl-UE, b’74% taċ-ċittadini Ewropej jemmnu li pajjiżhom jibbenefika milli jkun parti mill-blokk Ewropew. Dan huwa l-ogħla riżultat li qatt ġie rreġistrat minn meta din il-mistoqsija saret għall-ewwel darba fl-1983. Jidher illi r-raġuni ewlenija għal dan l-appoġġ hija l-kontribut tal-UE fiż-żamma tal-paċi u t-tisħiħ tas-sigurtà (35%).
Sorprendentament, Malta ikklassifikat bħala l-ogħla f’dan il-qasam, b'92% tal-popolazzjoni li tikkunsidra s-sħubija fl-UE bħala benefiċċju—żieda ta’ żewġ punti perċentwali mill-2024. Il-benefiċċju ewlieni li wassal għal dar-riżultat mill-parteċipanti Maltin huwa t-tkabbir ekonomiku (50%), u warajh il-paċi u s-sigurtà (17%). Barra minn hekk, il-maġġoranza assoluta tal-Maltin, 98%, jemmnu li l-istati membri tal-UE għandhom ikunu aktar magħqudin meta jindirizzaw sfidi globali—l-ogħla rata fost il-pajjiżi tal-UE kollha.
Fid-dawl taċ-ċirkostanzi ġeopolitiċi ta' bħalissa, l-Ewropej jixtiequ li l-UE tissaħħaħ fis-settur tas-sigurtà u d-difiża (36%) filwaqt li żżid il-kompetittività ekonomika (32%).
Iżda Malta għandha prijoritajiet oħrajn u fil-fatt, il-Maltin ipoġġu enfasi akbar fuq il-valuri fundamentali tal-UE bħad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem (29%), flimkien mal-edukazzjoni u r-riċerka (29%). Barra minn hekk, il-Maltin jixtiequ jaraw iktar azzjoni fejn jidħlu l-azzjoni klimatika (28%), is-sigurtà tal-ikel (27%), u l-iżvilupp tat-teknoloġija, l-innovazzjoni, u l-intelliġenza artifiċjali (24%).
Min-naħa l-oħra, 46% tal-Maltin jikkunsidraw l-inflazzjoni u l-għoli tal-ħajja bħala l-akbar prijorità li l-Parlament Ewropew għandu jindirizza. Barra minn hekk, 35% jixtiequ aktar appoġġ fejn tidħol is-saħħa pubblika u 29% jaħsbu li l-ogħla prijorità hija l-kwistjoni tal-immigrazzjoni u l-ażil. Għalkemm id-difiża u s-sigurtà huma fost l-aktar kwistjonijiet ta' tħassib madwar l-UE, f’Malta din il-kwistjoni tidher inqas importanti minn oħrajn, fejn 14% biss jarawha bħala l-ogħla prijorità.
Numru dejjem jikber ta’ Ewropej qed juru biża’ li l-istandard tal-għajxien tagħhom ħa jitnawwar matul il-ħames snin li ġejjin. Madwar l-UE, 33% tal-parteċipanti iħossu li dan huwa minnu, partikolarment fi Franza (53%) u fil-Ġermanja (47%).
F’Malta, madankollu, 33% jistennew li l-livell tal-għajxien tagħhom jitjieb, filwaqt li 22% jistennew tnaqqis. Dawn iż-żewġ figuri t-tnejn żdiedu b'sitt punti perċentwali meta mqabbla mal-2024.
L-istħarriġ juri wkoll li 55% tal-Maltin għandhom opinjoni pożittiva tal-UE. Barra minn hekk, 70% tal-Maltin jixtiequ li l-Parlament Ewropew ikun iktar b'saħħtu, b’70% tal-Maltin jappoġġjaw espansjoni tal-irwol tiegħu.