Repubblika takkuża lill-ministri li 'għandhom x'jaħbu'

"L-arroganza tal-Prim Ministru li jippretendi li jiddeċiedi hu kif il-Parlament jirregola lilu nnifsu hi perikoluża u antidemokratika" - Repubblika

(Ritratt: Repubblika)
(Ritratt: Repubblika)

Repubblika kkundannat d-deċiżjoni tal-Prim Ministru ta' Malta Robert Abela li jaħbi d-dikjarazzjonijiet tal-assi u l-interessi finanzjarji tiegħu u tal-ministri tiegħu. 

Skont l-għaqda ċivili kontra l-korruzzjoni, din "id-deċiżjoni... hi pass kbir lura fil-kwalità tal-governanza ta' pajjiżna."

Min-naħa tiegħu, Abela ddefenda din id-deċiżjoni għax qal li jixtieq jirriforma s-sistema tad-dikjarazzjonijiet tal-membri parlamentari biex ikunu aktar dettaljati.

Repubblika rribattiet billi qalet li għalkemm tajjeb li tiżdied it-trasparenza fil-Parlament, il-Prim Ministru ma jmexxix il-Parlament iżda huwa biss membru tal-Parlament. Il-gvern għandu jagħti kont lill-Parlament, mhux bil-kontra.

"L-arroganza tal-Prim Ministru li jippretendi li jiddeċiedi hu kif il-Parlament jirregola lilu nnifsu hi perikoluża u antidemokratika," kompliet l-għaqda ċivili.

Barra minn hekk, Repubblika wkoll ġibdet l-attenzjoni dwar il-fatt li Abela wkoll iddikjara li ma jagħmilx sens li l-ministri jimlew żewġ dikjarazzjonijiet separati—waħda bħala ministri u oħra bħala deputati tal-Parlament.

L-argument tal-organizzazzjoni huwa li fil-verità l-ministri għandhom opportunitajiet ferm akbar għal kunflitti ta’ interess u korruzzjoni meta mqabbla mal-membri parlamentari ordinarji. Għalhekk jagħmel ħafna iktar sens li l-pubbliku jiskrutinizza l-ministri milli d-deputati.

Iżda, qalet l-għaqda ċivili, l-iktar argument allarmanti ta' Abela hu li l-pubbliku m’għandux għalfejn jara d-dikjarazzjonijiet tal-ministri għax rahom hu.

Id-dikjarazzjonijiet tal-assi u l-interessi finanzjarji mhumiex qegħdin hemm biex jarahom il-mexxej tal-pajjiż, iżda huma strument essenzjali ta’ trasparenza u akkontabbiltà, u b'hekk il-pubbliku jkun f’pożizzjoni li jassigura l-integrità ta’ dawk li jmexxu lil pajjiżna.

Jekk xejn, din id-deċiżjoni ma tagħmel xejn ħlief tkabbar is-suspetti u tnaqqas il-fiduċja fil-klassi politika.

"U fuq kollox jekk il-Prim Ministru skrutinizza d-dikjarazzjonijiet tal-ministri, min skrutinizza d-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru?" żieded tgħid l-organizzazzjoni.

Repubblika kkonkludiet billi qalet, "minflok sema' mir-rakkomandazzjonijiet tal-OECD biex iżid it-trasparenza tal-ministri, Robert Abela reġġa' l-arloġġ tletin sena lura."

More in Politika