Flimkien għal Ambjent Aħjar u Moviment Graffitti, flimkien ma' għadd ta’ għaqdiet u komunitajiet, qed iniedu kampanja "Manoel Island: Post Għalina", li qed titlob li Manoel Island tinbidel f’park pubbliku u miftuħ għal kulħadd.
L-inizjattiva se titnieda nhar is-Sibt, 29 ta’ Marzu, fl-10 am, u l-pubbliku mistieden biex jattendi.
Il-kampanja qed tressaq ukoll petizzjoni parlamentari, li tħeġġeġ lill-Gvern biex jirrevedi l-kuntratt eżistenti mal-MIDI, il-kumpanija privata li għandha l-konċessjoni biex tiżviluppa Manoel Island f’binjiet residenzjali u kummerċjali. Il-ftehim oriġinali, li jmur lura għal 25 sena ilu, jistipula li 85% tal-proġett għandu jkun lest sa Marzu 2026, inkella l-Gvern jista’ jikkanċella l-konċessjoni u jieħu lura l-art.
L-attivisti qed jisħqu li dan hu mument uniku biex il-pjan għal Manoel Island jiġi mibdul f’wieħed li jirrifletti l-ħtiġijiet attwali tal-komunità. Malta hija l-aktar pajjiż b’densità għolja ta’ popolazzjoni fl-UE, u Manoel Island tista’ ssir żona ħadra essenzjali f’nofs l-aktar reġjun urbanizzat tal-pajjiż.
Il-kampanja trid twassal messaġġ li l-iżvilupp m’għandux ikun biss f’idejn il-privat, iżda għandu jservi lill-komunità kollha.
L-attività tas-Sibt se tkun ġurnata fejn se jingħaqdu residenti, familji, għaqdiet ambjentali, kulturali, u oħrajn favur l-idea li Manoel Island għandhu jsir park nazzjonali għall-pajjiż kollu. Il-koalizzjoni li qed tmexxi l-kampanja tinkludi diversi għaqdiet, fosthom Moviment Graffitti u Flimkien għal Ambjent Aħjar, b’aktar minn 25 organizzazzjoni oħra li diġà taw l-appoġġ tagħhom.
L-għaqdiet qed jisħqu li l-Gvern għandu jieħu din l-opportunità storika biex jieħu lura Manoel Island u jagħmilha park pubbliku għall-benefiċċju ta’ kulħadd, u mhux post ta’ żvilupp għal ftit.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jiffirma l-petizzjoni parlamentari u jxerridha permezz tal-ħolqa: https://parlament.mt/en/petition?id=257