Il-PN jakkuża lill-gvern li qed 'jgħatti skandlu ieħor'

L-Oppożizzjoni qed tallega li l-gvern qed toħloq kampanja propagandistika biex titfa' l-bżar fl-għajnejn u taħbi l-verità dwar l-iskandlu tal-karti tal-identità

(Ritratt: Arkivji)
(Ritratt: Arkivji)

Il-Partit Nazzjonalista kkundanna dak li qed issejjaħ "kampanja ta’ propaganda mill-Gvern Laburista", u akkużah li qed jipprova jaħbi skandlu kbir relatat mal-każ tal-karti tal-identità ffalsifikati.

Skont l-Oppożizzjoni, l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista tilef il-kontroll tas-sistema tal-permessi ta’ residenza u xogħol, u ppermetta li individwi jirreġistraw indirizzi foloz mingħajr ebda sorveljanza xierqa.

Il-PN qed jisħaq li "l-poplu Malti mhuwiex mazzun, u ħadd mhu se jbellagħhielu li nstabu seba’ ID Cards falsifikati biss", speċjalment meta tikkunsidra li l-aġenzija Identità stess introduċiet numru ta’ miżuri ġodda biex issaħħaħ il-kontrolli fuq ir-reġistrazzjoni tal-indirizzi.

Dawn jinkludu formola ġdida biex jitneħħew indirizzi foloz, kundizzjonijiet aktar stretti fejn jidħlu kirjiet, u aktar dokumentazzjoni meħtieġa biex wieħed ibiddel l-indirizz tiegħu fuq il-karta tal-identità.

Mistoqsijiet bla tweġiba

Il-PN ukoll saħaq ukoll li l-gvern għadu ma ta l-ebda spjegazzjoni għal diversi każijiet serji relatati ma’ dan l-iskandlu, fosthom:

  • Kif ġew permessi eluf ta’ barranin jidħlu f’Malta u jirreġistraw indirizzi foloz;
  • Għaliex dokumenti uffiċjali, inklużi appuntamenti tal-isptar, dikjarazzjonijiet tat-taxxa, u ċekkijiet bankarji, intbagħtu lil nies li qatt ma għexu f’dawk l-indirizzi;
  • Problemi serji fis-sistema tas-saħħa, fejn rekords mediċi qed jitħawdu bejn pazjenti differenti;
  • Kif il-Ministru Byron Camilleri stqarr f’intervista li kien jaf b’dan l-iskandlu għal xhur imma żamm kollox mistur;
  • Rapporti li viżi Schengen ġew maħruġa minn Malta lil individwi akkużati b’reati kontra l-umanità;
  • Każijiet fejn il-pulizija daħlu fi djar ta’ nies innoċenti minħabba informazzjoni ħażina fis-sistema.

Konsegwenzi legali

Dan l-iskandlu ilu jberren. F’Mejju 2024, il-Qorti annullat 99 karta tal-identità foloz wara kawżi mressqa mill-ex Segretarju Ġenerali tal-PN, Michael Piccinino. Il-Qorti saħansitra ordnat li jittieħdu passi kontra min kien wara din il-frodi.

Issa, il-gvern Laburista qed jipprova jagħti l-impressjoni li żewġ eks ħaddiema ta’ Identità biss kienu responsabbli, meta fil-verità din hija problema sistematika u waħda ħafna aktar sinifikanti li seħħet taħt amministrazzjoni Laburista.

Il-PN jappella għall-akkontabbiltà

Il-PN akkuża lill-gvern li qed jipprova jqarraq bin-nies u jiżvija l-attenzjoni minn dan l-iskandlu serju.

Waqt li ma jridx jindaħal fil-proċess ġudizzjarju, il-PN jinsisti li l-gvern għandu jieqaf jinsulta l-intelliġenza tal-poplu u jibda jindirizza din il-frodi istituzzjonali.

Skont l-Oppożizzjoni, l-iskandlu tal-karti tal-identità mhuwiex każ iżolat, iżda parti minn mudell usa’ ta’ nuqqas ta’ tmexxija.

More in Politika